San Vinċenz de Paul jagħlaq 125 sena

Din is-sena taħbat il-125 sena mit-twaqqif u mill-ftuħ tar-Residenza għall-Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul

Din is-sena taħbat il-125 sena mit-twaqqif u mill-ftuħ tar-Residenza għall-Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul. Matul din is-sena ser isiru bosta attivitajiet biex ifakkru l-anniversarju ta’ din ir-residenza li ilha tilqa’ u tikkura klijenti tul dawn l-aħħar 125 sena. Dawn l-attivitajiet ser isiru b’kordinazzjoni minn kumitat magħmul minn diversi membri mit-team ta’ San Vinċenz de Paul stess li ser ikunu qed jorganizzaw diversi attivitajiet matul is-sena.

Dan il-programm ta’ attivitajiet kien inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana. Hija qaletli dan l-anniversarju ser ikun qed jiġbor fih ħafna elementi minħabba li hemm ħafna persuni u entitajiet involuti kif ukoll kien hemm proċess ta’ konsultazzjoni mal-klijenti f’din ir-residenza fejn ix-xewqat tagħhom kienu milqugħa. Dan juri l-ħeġġa tar-residenti f’din ir-residenza sabiex iżommu rwieħhom attivi u involuti fl-attivitajiet li jkunu qed igawdu minnhom huma stess.

Caruana semmiet kif permezz tar-rebranding ħolistiku li sar f’San Vinċenz, kienet eliminata għal kollox l-istigma li kienet marbuta ma’ “l-Ingieret.” Hija żiedet li llum qed nitkellmu dwar residenza ta’ kura fit-tul b’servizzi varji ta’ professjonisti fil-pront sabiex tkun tista’ ssir dik il-qabża ta’ kwalità li tassew jixraqilhom l-anzjani. Dan huwa mertu tal-amministrazzjoni kif ukoll tal-ħidma kollettiva li ssir mal-partijiet ikkonċernati kollha. Saħqet ukoll fuq ix-xogħol li sar f’diversi swali fosthom dawk tal-koppji, fejn persuni li kienu mifruda minħabba li kienu allokati fi swali jew saħansitra f’residenzi oħra, issa kienu mlaqqa’ flimkien għal darb’oħra. Huwa fatt li f’dawn l-aħħar sentejn saru numru rekord ta’ proġetti li permezz tagħhom is-servizz laħaq l-ogħla livelli f’pajjiżna.

Hija kkonkludiet billi faħħret inizjattiva bħal din li tfakkar il-ħidma li saret, li qed issir u li ser tkompli ssir f’din ir-residenza. Hija qalet li l-pubbliku ġenerali jista’ japprezza wkoll ix-xogħol li sar mill-Gvern permezz tas-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva b’risq l-anzjani. Hija rringrazzjat lill-istaff, l-amministrazzjoni kif ukoll il-partijet ikkonċernati li qed jaħdmu katina waħda biex tassew tkompli ssir il-qabża ta’ kwalità mistħoqqa fir-residenza.

More in Politika