Tliet snin minn mindu l-ewwel koppji tal-istess sess setgħu jiżżewġu f'Malta

  • 163 koppja tal-istess sess jingħaqdu permezz ta’ Unjoni Ċivili
  • Tliet snin ilu Pjazza San Ġorġ mixgħula b’ferħ u kulur wara li l-Gvern introduċa l-Liġi tal-Unjoni Ċivili

Eluf kienu ħonqu Pjazza San Ġorġ biex jiċċelebraw dritt ġdid li ftit ħasbu l-Maltin jista' jkollhom...
Eluf kienu ħonqu Pjazza San Ġorġ biex jiċċelebraw dritt ġdid li ftit ħasbu l-Maltin jista' jkollhom...

Tliet snin ilu Pjazza San Ġorġ intliet bil-ferħ, l-għajjat u ċ-ċapċip hekk kif Malta ntroduċiet dritt li sa ftit qabel, ftit kienu jobsru li qatt jista’ jsir realtà. Dakinhar, l-ambizzjonijiet u x-xewqat ta eluf ta’ nies li dejjem ħolmu b’pajjiż ugwali, fejn ħadd mhu speċjali imma kulħadd ugwali saret realtà. Kienet triq twila, li qabdet momentum qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali meta l-Partit Laburista u b’mod partikolari Joseph Muscat, wiegħdu fil-programm elettorali illi Gvern Laburista jintroduċi l-Unjoni Ċivili għal persuni tal-istess sess.

Din il-wegħda saret realtà ftit wara li l-Partit Laburista kien elett fil-Gvern, preċiżament tliet snin ilu. Bl-introduzzjoni tal-liġi dwar l-unjoni ċivili flimkien ma’ drittijiet ċivili oħra li ngħataw għall-ewwel darba, is-soċjetà f’pajjiżna saret aktar inklussiva u miftuħa fejn persuni ma jiġux iġġudikati u emarġinati għax inqisuhom differenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju mid-dħul tal-unjoni ċivili f’Malta, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar l-avvanzi li għamel pajjiżna f’dan il-qasam, speċjalment il-bidla fil-mentalità li ġab il-gvern fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ.

Il-Ministru Dalli semmiet kif bil-liġi tal-Unjoni Ċivili, persuni LGBTIQ u l-familji tagħhom “ma baqgħux emarġinati u esklużi mis-soċjetà iżda għall-kuntrarju, issa għandhom drittijiet u obbligi bħall-kumplament taċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż.”

Il-Ministru Dalli fissret kif il-gvern huwa obbligat li jara li kull persuna tingħata d-drittijiet tagħha mingħajr distinzjoni għax ħadd ma jagħżel kif jitwieled.

Il-Ministru Dalli spjegat kif mill-2014 sal-lum, kien hemm 163 koppja li daħlu f’unjoni ċivili, b’16 minnhom li isiru barra minn Malta, kienu reġistrati f’pajjiżna u rikonoxxuti mill-Istat. It-total jinkludi wkoll 22 żwieġ bejn koppji tal-istess sess li wkoll saru barra minn Malta u li kienu reġistrati f’pajjiżna. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, persuna minnhom riedet tkun ta’ ċittadinanza Maltija.

Fil-perjodu msemmi, kien hemm ukoll każ wieħed ta’ addozzjoni ta’ tarbija minn koppja tal-istess sess. Mistoqsija dwar il-possibilità li persuni LGBTIQ jidħlu f’kuntratt ta’ żwieġ, il-Ministru Dalli qalet li fil-preżent, għaddej xogħol fuq liġijiet eżistenti bil-għan li dawn ikunu kompluti għal meta nkunu lesti li mmexxu f'din id-direzzjoni. Fl-istess ħin, fakkret kif l-unjoni ċivili toffri d-drittijiet u l-obbligi kollha li hemm fiż-żwieġ.

Id-Direttur fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni Silvan Agius semma’ kif ħafna mix-xogħol jinvolvi formoli legali tar-Reġistru Pubbliku li jridu jinbidlu kif ukoll xogħol fuq liġijiet fosthom dawk tat-taxxa li jkunu jridu jsiru konformi mal-liġi taż-żwieġ.

Intant f’seduta Parlamentari li kienet ferm mistennija, l-Partit Nazzjonalista li kien diviż fuq din il-kwistjoni astjena mill-vot. Il-PN kien qal illi ma setax jaqbel ma’ partijiet ta’ din il-lipi, fosthom mad-dritt li koppja bejn persuni tal-istess sess ikunu jistgħu japplikaw għall-proċedura ta’ addozzjoni. 

Ferħ għas-suċċess...wara snin twal ta' stennija
Ferħ għas-suċċess...wara snin twal ta' stennija

More in Politika