'Ħtieġa ta’ policies proattivi u mhux reattivi biex nipproteġu lit-tfal online...'

Il-MPE Miriam Dalli titkellem dwar il-bżonn għal miżuri proattiva fil-ġlieda kontra l-abbuż online tal-minuri

‘L-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom jaddottaw politika proattiva fil-ġlieda kontra l-abbuż online tal-minuri biex nipprevenu milli ssir il-ħsara.’ Qalet dan l-MPE Maltija Miriam Dalli waqt laqgħa li organizzat ma’ l-istakeholders lokali li jiġġieldu dan l-abbuż, fosthom l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat--Tfal, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Kommunizjoni (MCA), rappreżentanti tas-Cyber Crime fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, u l-Aġenzija Appoġġ.

Il-laqgħa saret ġewwa l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u saret bħala parti minn konsultazzjoni wiesgħa li Miriam Dalli qed tagħmel ma’ stakeholdersMaltin u barranin qabel tippreżenta proposti u emendi lill-Parlament Ewropew, fuq ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva li permezz tagħha jiġi miġġieled l-abbuż u l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal onlajn. Miriam Dalli hi l-kelliema ewlenija tas-Soċjalisti u Demokratiċi fuq dan ir-rapport li qiegħed quddiem il-kumitat tal-Libertajiet Ċivili. Ir-rapport se jkollu wkoll opinjonijiet minn kumitati oħra.

‘Ġenituri, tfal u edukaturi għandhom ikollhom diskussjoni franka dwar ir-riskji li l-internet jista’ jġib miegħu. Hemm bżonn li tingħata aktar saħħa lill-organizazzjonijiet li jistghu jaħdmu biex jipprevjenu l-ħsara milli ssir. Huwa inutli li nibqgħu nirreaġixxu biss wara li l-abbuż fuq it-tfal ikun sar, għaliex il-ħsara lit-tfal tkun diġa saret. Hemm bżonn li nintroduċu sistemi fejn persuni li jistgħu ikunu huma li jagħmlu dan l-abbuż jiġu identifikati u jingħataw l-għajnuna qabel ma’ ssir il-ħsara,’ qalet Miriam Dalli.

Il-laqgħa bejn l-istakeholders u l-MPE Maltija ffukat fuq numru ta’ aspetti nteressanti fosthom l-edukazzjoni, il-ħtieġa ta’ aktar għarfien, l-għajnuna professjonali, għajnuna lill-vittmi u anke’ l-ħtieġa ta’ liġijiet b’saħħithom li jwaqqfu dan it-tip t’abbuż. Issemmew ukoll proposti ta’ kif jista’ jkun hemm koperazzjoni bejn organizazzjonijiet u l-pulizija fid-diversi Stati Membri biex din it-tip ta’ nformazzjoni ma tkomplix tinfirex.

Saret referenza wkoll għal trend ġdida li qed tiżviluppa fejn ikunu l-minuri stess li jxerrdu ritratti indiċenti tagħhom. Dwar dan enfasizzat ukoll il-Kummissarju għatat-tfal Pauline Miceli li sostniet li, ‘jeħtieġ li nipprevjenu każijiet futuri billi nżidu l-għarfien dwar il-fatt li ladarba jkun hemm ritratti jew filmati, dik il-persuna titlef kwalunkwe kontroll ta’ x’jista’ jsir minn dan il-materjal. It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom dritt li jkollhom aċċess għat-teknoloġija u l-opportunitajiet li din toffri; iżda hu dover tagħna li niżguraw li għandna l-istrutturi neċessarji biex nipproteġuhom,’ temmet tgħid il-Kummissarju.

More in Politika