Integrazzjoni ta’ sistemi 'cloud' b’serħan il-moħħ dwar is-sigurtà tal-informazzjoni

Il-proġett SUNFISH għandu l-għan li jsib soluzzjonijiet ġodda, b’mod partikolari għas-settur pubbliku Ewropew, fl-integrazzjoni tas-sistemi cloud

Il-MITA llum organizzat konferenza dwar il-proġett ta’ riċerka u innovazzjoni msejjaħ bħala SUNFISH. Dan il-proġett, iffinanzjat mill-programm ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea - Horizon 2020 għandu l-għan li jsib soluzzjonijiet ġodda, b’mod partikolari għas-settur pubbliku Ewropew, fl-integrazzjoni tas-sistemi cloud. Fl-istess waqt, dan il-proġett jara kif jegħleb l-ostakli leġiżlattivi li jagħmluha diffiċli biex jintużaw is-soluzzjonijiet teknoloġiċi kummerċjali disponibbli.

Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi, Emmanuel Mallia spjega kif wieħed mill-pilastri tal-Aġenda Diġitali Ewropea għall-2020 hi bbażata fuq l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Hu sostna li l-Ewropa temmen bis-sħiħ li r-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT jistgħu jwaaslu għal tkabbir ekonomiku li jiġġenera x-xogħol.

Il-Ministru Mallia qal li Malta hi kommessa li tistimula r-riċerka u l-innovazzjoni billi tkun miftuħa għall-innovazzjoni. Għaldaqstant, il-Ministru qal li l-Gvern jiggarantixxi li jipprovdi appoġġ loġistiku u finanzjarju, kif ukoll inċentivi lil dawk il-kumpaniji li jinvestu l-ħin u r-riżorsi umani fl-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u servizzi innovattivi.

Tkellem ukoll dwar is-servizzi cloud fejn spjega li dawn jipprovdu opportunitajiet lil intrapriżi kbar biex ikabbru l-investiment tagħhom fl-ICT billi jiġbru flimkien riżorsi li mhux qegħdin jintużaw, kif ukoll lil intrapriżi żgħar li jistgħu jiksbu aktar saħħa minn fuq ir-riżorsi ta’ fornituri oħrajn tas-servizzi cloud.

Il-Ministru Mallia wera wkoll sodisfazjon għall-fatt li l-proġett SUNFISH jagħmel użu mit-teknoloġija blockchain. Hu fakkar kif il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat ippropona l-idea li l-Ewropa tkun il-kontinent tal-bitcoin. Il-Ministru Mallia qal li filwaqt li jridu jiġu stabbiliti ċerti mekkaniżmi li jirregolaw il-crypto currencies, fl-istess waqt li nifhmu li t-teknoloġija tal-blockchain involuta tippermetti li jsiru tranżazzjonijiet aktar effiċjenti u trasparenti.

Għal din il-konferenza kellu jattendi wkoll il-Ministru tal-Finanzi, Professur Edward Scicluna li iżda ma setax ikun preżenti minħabba impenji oħrajn tal-Gvern barra minn pajjiżna. Madankollu, intwera messaġġ irrekordjat li fih il-Ministru Scicluna wera sodisfazzjon li l-Ministeru tiegħu qed jifforma parti mill-konsorzju li qed jimplimenta l-proġett SUNFISH, flimkien ma’ akkademiċi, organizzazzjonijiet ta’ riċerka u oħrajn mill-amministrazzjoni pubblika.

Il-Ministru Scicluna sostna li din il-parteċipazzjoni timmarka l-importanza li s-settur pubbliku jkompli jħeġġeġ l-innovazzjoni, partikolarment fil-qasam tal-cloud computing. Saħaq li l-effetti ta’ din it-teknoloġija, flimkien ma’ oħrajn bħat-teknoloġija tal-mowbajl u tal-Internet of Things se nkunu qegħdin nesperjenzawhom fiż-żmien li ġej, kemm fis-settur privat u mhux b’inqas fis-settur pubbliku.

Biex jintleħaq dan il-għan, il-Ministru Scicluna qal li hemm bżonn ta’ bidla kulturali fis-settur pubbliku fejn it-teknoloġija ma titqiesx biss bħala spiża iżda bħala investiment li jippermetti li nkunu effiċjenti biex nipprovdu s-servizzi.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni lokali, il-Ministru Scicluna qal li skont l-Istrateġija Nazzjonali tal-ICT – Digital Malta, pajjiżna għandu l-għan li jsir pajjiż diġitali fis-setturi kollha tas-soċjetà. Il-Ministru qal li pajjiżna diġà qed jikseb riżultati pożittivi fl-ICT u sostna li permezz tal-cloud computing nistgħu nkomplu niżviluppaw il-potenzjal ta’ pajjiżna għax insolvu l-isfidi tal-integrazzjoni tas-sistemi, kwistjonijiet regolatorji u ekonomiċi, kif ukoll problemi dwar sigurtà diġitali.

Il-Ministru Scicluna ma naqasx ukoll milli jsemmi l-kollaborazzjoni li hemm bejn il-Ministeru tiegħu u l-MITA fejn sostna li r-riżultati jidhru mill-fatt li pajjiżna hu kklassifikat bħala mexxej fl-Ewropea fil-proviżjoni ta’ servizzi tal-Gvern onlajn, fejn l-Ewropa kontinwament tikkonferma li bħala sistemi tal-ICT qegħdin f’sitwazzjoni tajba.

Waqt din il-konferenza tkellem ukoll iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MITA, Tony Sultana li spjega li minkejja s-soluzzjoni tal-cloud kienet ilha disponibbli fuq is-suq, ma kienx hemmx soluzzjoni li tipprovdi biżżejjed sigurtà u serħan tal-moħħ, speċjalment lill-Amminitraturi Pubbliċi Ewropej, li l-informazzjoni tkun sigura kemm fit-tranżizzjoni, kif ukoll waqt li tkun maħżuna. Spjega li l-proġett SUNFISH jindirizza dawn in-nuqqasijiet u jipproponi soluzzjoni innovattiva li tibbaża fuq teknoloġiji state-of-the-art bħall-blockchain. Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MITA wera wkoll sodisfazzjon li l-ħaddiema tal-MITA qegħdin jużaw il-benefiċċji ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn biex jikbru kemm fuq livell professjonali, kif ukoll personali.

Aktar tard, il-Kap tad-Dipartiment tal-Programme Management fil-MITA, Pierre Vella ta preżentazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni, filwaqt li l-Kap tal-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, Albert Vella u d-Direttur tal-Operazzjonijiet u l-Istrateġija fl-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi, Victor Bugeja taw preżentazzjoni dwar il-proġett Horizon 2020 u l-Use Case tas-SUNFISH.

Il-Kap Xjentifiku tal-Proġett Sunfish, il-Professur Vladimiro Sassone, flimkien ma’ Luca Nicoletti li hu l-Kap Tekniku tal-proġett taw preżentazzjoni dwar l-arkitettura u s-sigurtà tal-proġett. Wara kien hemm ukoll iċ-ċans għal diskussjoni bejn dawk preżenti.  

More in Politika