'Il-PN mhux se jħalli lill-PL jisraq l-elezzjoni ġenerali li jmiss...'

Dan wara li Beppe Fenech Adami żvela li hemm nies b’żewġ voti fir-reġistru elettorali...

Il-Partit Nazzjonlista jsostni li wara 24 siegħa minn meta l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami żvela li hemm numru ta’ nies li ngħataw żewġ karti tal-identità, b’isem uħud minnhom jidher imniżżel aktar minn darba fir-reġistru elettorali, spikka s-silenzju minn naħa tal-Prim Ministru.

Il-PN saħaq li dak żvelat fil-Parlament hu serju u ta’ tħassib kbir, hekk kif jidher ċar li f’pajjiżna hawn nies li jistgħu jivvutaw aktar minn darba fl-istess elezzjoni.

"Is-silenzju tal-Prim Ministru jfisser ħafna: ifisser li nqabad u ma jafx x’se jaqbad jagħmel," qal il-Partit Nazzjonalista, hekk kif insista li l-Prim Ministru jgħid min se jerfa’ r-responsabbiltà politika u x’se jiġri issa li nqabad.

Il-Partit Nazzjonalista għamilha ċara li "mhux se jħalli lill-Partit Laburista jisraq l-elezzjoni ġenerali li jmiss b’dan il-mod, iżda li jinsab attent għal kull manuvra li jista’ jiprova jagħmel l-aktar Gvern korrott fl-istorja biex iżomm il-poter akkost ta’ kollox."

More in Politika