Investiment ta' €18-il miljun għar-riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa

Dan il-proġett mistenni jitrasforma l-korsa tal-Marsa f'attrazzjoni għall-familja kollha

Memorandum of Understanding li ġie ffirmat illum mistenni jara riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa, b'investiment ta' €18-il miljun.

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-proġett se jittrasforma l-korsa f'attrazzjoni għal familja kollha. Muscat qal ukoll li dan il-proġett ikompli mal-pjanijiet tal-Gvern sabiex jirriġenera n-nofsinhar ta' Malta, partikolarment il-Marsa.

Dan il-Memorandum of Understanding bejn il-Gvern u Malta Racecourse Limited se jwassal għal konċessjoni ta' 65 sena lill-kumpanija, waqt li ntqal kif kuntratt definit mistenni jiġi ffirmat fis-6 xhur li ġejjin.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa investiment sostanzjonali fil-qasam tal-isport, possibbilment l-ikbar proġett mill-privat f'kollaborazzjoni mal-Gvern, fejn jidħol dan il-qasam.

L-investituri tal-proġett sostnew li huwa mistenni li jkun hemm mas-60,000 viżitatur fl-ewwel sena mill-ftuħ tal-korsa wara l-proġett.

Intqal ukoll kif 'Malta Racing Club' se jibqgħu responsabbli mill-organizazzjoni tat-tlielaq taż-żwiemel.

More in Politika