Il-PN ikeċċi ħaddiem li 'spija fuq il-Partit'

The Malta Independent qalet li ħaddiem ġie akkużat li spija fuq il-Partit Nazzjonalista u għadda informazzjoni lill-kamra tal-aħbarijiet tal-One

Ħaddiem żagħżugħ fi ħdan id-dipartiment awdjoviżiv tal-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, allegatament ġie mkeċċi wara li ġie allegat li dan kien qed jispija fuq l-operat tal-Partit u jibgħat informazzjoni lill-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon tal-Partit Laburista, One.

Il-gazzetta The Malta Independent illum irrappurtat li ħaddiem fit-taqsima tal-awdjoviżjoni tal-Media.Link ġie mkeċċi wara li 'kien qed jgħaddi informazzjoni lil One News, għal numru ta' xhur.'

Il-gazzetta allegat li fost l-oħrajn, iż-żagħżugħ kien għadda numru ta' screenshots tas-sit il-ġdid ta' Net News qabel ma kien imniedi għall-pubbliku. The Malta Independent kompliet tgħid li dawn ġew mgħoddija lill-kamra tal-aħbarijiet tal-istazzjon tal-Partit Laburista u dawn tal-aħħar ippubblikawhom u akkużaw lin-Net li kienu kkupjawhom.

Il-gazzetta tgħid ukoll li dan il-ħaddiem, li fl-ebda mument ma jissemma b'ismu inqabad minħabba li fir-ritratti li għadda lil One, kien hemm ritratt tiegħu, minħabba li s-sit kien ikkollegat mas-sit soċjali Facebook, li ġab jidher ir-ritratt tal-ħaddiem. 

More in Politika