Il-korruzzjoni tilħaq l-ogħla livelli ta' tħassib fost il-Maltin

63% tan-Nazzjonalisti u 12% tal-Laburisti inkwetati dwar il-korruzzjoni

Iktar minn 30% tal-Maltin huma mħassba dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż, b'iktar minn 63% tal-votanti Nazzjonalisti u 11.6% tal-votanti Laburisti mħassba dwar dan.

Dan joħroġ mill-istħarriġ tal-gazzetta oħt MaltaToday dwar dawk li huma l-oqsma ta' tħassib għall-poplu. F'dan l-istħarriġ, minkejja li l-akbar tħassib baqa' t-traffiku, il-korruzzjoni għamlet qabżiet kbar u hija l-ogħla li qatt kienet, hekk kif telgħet fit-tieni post, b'żieda ta' 12-il punt meta mqabbla mal-istess stħarriġ ta' Ottubru li għadda. Kif mistenni, il-votanti Nazzjonalisti kienu l-aktar grupp li wieġbu li huma mħassba dwar dan, iżda kien hemm persentaġġ pjuttost kbir fost l-iswitchers (28.8%), dawk li mhux beħsibhom jivvutaw (30.2%) u dawk li għadhom ma ddeċidewx kif se jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja (12.8%). 

Minkejja dan, it-traffiku baqa' b'mod ġenerali l-aktar suġġett ta' tħassib għall-Maltin b'iktar minn 31% jsemmu dan bħala l-iktar ħaġa li tinkwetahom. It-traffiku naqas b'5 punti meta mqabbel f'Ottubru li għadda, fir-rata ta' tħassib. Wara dan, kien hemm il-parkeġġ, l-għoli tal-ħajja, l-oppożizzjoni u l-immigrazzjoni.

L-inqas oqsma li qegħdin jinkwetaw lill-poplu bħalissa kienu l-ekonomija, is-saħħa u l-prezzijiet tal-fuel.

More in Politika