L-Uffiċjali tad-Detenzjoni issa jistgħu jieħdu promozzjoni

Ġie iffirmat ftehim bejn il-Gvern, il-ħaddiema tas-servizzi tad-Detenzjoni u l-GWU fejn il-ħaddiema bdew jingħataw id-dritt ta’ avvanz fil-karriera, titjib fil-pakkett finanzjarju u taħriġ ifformalizzat

L-Uffiċjali tad-Detenzjoni jibbenefikaw għall-ewwel darba minn sistema ta’ promozzjoni fil-gradi
L-Uffiċjali tad-Detenzjoni jibbenefikaw għall-ewwel darba minn sistema ta’ promozzjoni fil-gradi

L-Uffiċjali tad-Detenzjoni għall-ewwel darba bdew jibbenefikaw minn sistema ta’ promozzjoni fil-gradi tagħhom f’konformità mal-programm elettorali tal-Gvern ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Dan kien possibbli wara li taħt din l-amministrazzjoni ġie iffirmat ftehim settorjali bejn il-Gvern, il-ħaddiema tas-servizzi tad-Detenzjoni u l-GWU fejn il-ħaddiema bdew jingħataw id-dritt ta’ avvanz fil-karriera, titjib fil-pakkett finanzjarju u taħriġ ifformalizzat.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela ppreżenta l-ittri ta’ appuntament lil 8 uffiċjali tad-detenzjoni li laħqu fil-grad il-ġdid tagħhom ta’ Officer in Charge Detention Shifts. Hu stqarr, kif dan huwa l-ewwel pass li b’mod konkret qegħdin naraw ir-riżultat tal-benefiċċji, ipprovduti minn dan il-ftehim settorjali, fejn minn kundizzjonijiet prekarji qegħdin igawdu minn xogħol ta’ natura definittiva.

Il-Ministru Abela tkellem kif f’din il-kariga l-ġdida l-uffiċjali huma mistennija li jmexxu bl-aktar mod effiċjenti, ix-shift fdat lilhom, jipprovdu għassa stretta fiċ-ċentru tad-detenzjoni u li jassiguraw li l-persuni detenuti jkunu trattati tajjeb u b’dinjità.

Il-Ministru Abela semma’ li sabiex jiġi assigurat li s-servizz ta’ dawn il-ħaddiema jiġi utilizzat bl-aħjar mod, il-ftehim settorjali beda jippermetti wkoll flessibilità fid-dmirijiet. Illum, l-148 ħaddiema tal-uffiċċju tad-detenzjoni qegħdin iservu wkoll ta’ uffiċjali ta’ sigurtà fiċ-ċentri miftuħa, fl-initial reception centres, fl-uffiċini tal-kummissarju tar-refuġjati u jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fejn meħtieġ.

Dan l-avvanz fil-karriera kien ukoll magħqud ma’ taħriġ fil-ħiliet. Hawn il-Ministru ppreżenta ċertifikati lil dawn it-tmien uffiċjali wara li segwew programm edukattiv f’diversi oqsma. Dawn jinkludu taħriġ dwar il-liġi li tirregola is-Servizzi tad-Detenzjoni, pjani ta’ evakwazzjoni, indirizz ta’ sitwazzjonijiet ta’ irvell, informazzjoni fuq id-direttivi tal-EU dwar l-immigrazzjoni irregolari u sigurtà fuq il-post tax-xogħol u waqt skorti mad-detenuti barra ċ-ċentru tad-dentenzjoni.

Il-Ministru Abela temm l-indirizz tiegħu billi elenka ħidma li hemm għaddejja bħalissa f’dan is-settur. Din tinkludi t-twaħħil ta’ sistemi ta’ CCTV cameras mal-kumpless, installazjoni ta’ sistema ta’ telekomunikazzjoni bir-radju, flimkien mal-ftuħ ta’ reklutaġġ għan-numru ta’ detention service officers u ħaddiema tas-sengħa.

More in Politika