L-eks ġurnalist u DJ, Charlo Lautier, liberat minn akkużi ta' frodi...

L-eks ġurnalist tal-Orizzont, aktar magħruf bħala DJ Charlo, inħeles minn akkużi ta' frodi fil-benefiċċji soċjali wara li l-prosekuzzjoni ma preżentatx provi konkreti kontrih.

L-eks ġurnalist tal-Orizzont u DJ, Charlo Lautier (DJ Charlo) rebaħ l-appell li kien għamel dwar sentenza ta' abbuż mill-benefiċċji soċjali.

F'Lulju tas-sena li għaddiet, Lautier kien ingħata sentenza ta' 13 -il xahar ħabs, sospiża għal sentejn fuq akkużi ta' frodi, u ġie ordnat iħallas €4,869 lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali talli kien allegatament kien applika u kien qed jirċievi benefiċċji tal-qgħad waqt li kien qiegħed jaħdem bħala 'tour operator'.

Lautier sostna aktar minn darba li s-safriet tiegħu barra minn Malta kienu sempliċiment passatemp.

lbieraħ fil-Qorti, l-Imħallef Edwina Grima iddeċidiet li l-prosekuzzjoni kienet "falliet kompletmanent" milli tipprova li Lautier kien qiegħed jorganizza dawn il-ġiti biex jagħmel profitt minnhom.

Il-Prosekuzzjoni kienet akkużat lil Lautier kien jirriklama s-servizzi ta' 'tour operator' taħt l-isem ta' DJ Charlo u 'Fun Travel'. Minkejja dan, l-Imħallef innotat li r-riklami li ġew preżentati bħala provi fil-qorti kienu ta' 'tours' li seħħew wara dawk speċifikati fl-akkuża ta' frodi fil-konfront ta' Lautier.

Minbarra r-riklami, il-prosekuzzjoni falliet ukoll milli tippreżenta fil-Qorti applikazzjonijiet għall-benefiċċji soċjali minn Lautier. 

Il-Qorti qalet li fl-agħar każ, Lautier jista' jitqies ħati ta' offiża minuri taħt l-att tas-sigurtà soċjali, billi naqas milli jinforma d-dipartiment li huwa kien irċieva xi pagamenti għal ftit ġranet, u li minħabba dan kellhom jiġu rranġati r-rati ta' benefiċċji. Il-Qorti nnotat ukoll li "din kienet akkuża li ma saritx u azzjoni li d-Direttur tas-Sigurtà Soċjali ma ħassx li kellu jieħu azzjoni fuqha fil-konfront ta' Lautier."

More in Politika