'Ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin u n-negozji...'

Id-Deputati Laburisti Silvio Schembri u Aaron Farrugia saħqu li l-ekonomija b’saħħitha li qed jitkellmu fuqha r-rapporti qed tfisser ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin u n-negozji

F’konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għar-rapporti ekonomiċi ppubblikati fl-aħħar ġimgħa dawk ta’ Fitch, il-Kummissjoni Ewropea, l-IMF u l-Country Specific, id-Deputati Laburisti Silvio Schembri u Aaron Farrugia saħqu li din l-ekonomija b’saħħitha li qed jitkellmu fuqha r-rapporti qed tfisser ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin u n-negozji.

Schembri saħaq li dawn ir-rizultati kienu possibli biss għax f’pajjiżna hawn Gvern li jiddeċiedi u ma jiddejjaqx jagħmel dan tant li dawwar ir-rotta ekonomika mingħajr ma żied il-piżijiet fuq il-familji anzi minflok qed jagħti l-inċentivi  u qed iwieżen lin-nies. Silvio Schembri tenna li l-Gvern seta’ kabbar l-ekonomija u d-dħul tal-Gvern billi jżied it-taxxi jew li jgħoli l-età tal-irtirar kif għamel Gvern Nazzjonalista, iżda minflok kabbar l-ekonomija billi daħħal mizuri bħat-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ta ċ-childcare b’xejn, stabilizza l-prezzijiet tal-fuel, naqqas l-income tax lil kulħadd fl-aħħar tliet snin, neħħa l-mediċini out of stock u attira l-investiment dan flimkien ma’ mizuri oħra li fissru aktar flus fil-bwiet tal-familji u n-negozji u li wassal għal żieda fil-konsum.

Għall-Kap tal-Oppożizzjoni dan ma kienx ovvju meta qabel l-aħħar elezzjoni kien jgħidilna li se mmorru għall-bail-out. Illum flok bail-outs, il-Kummissjoni Ewropea qegħdha tagħtina ċertifikat fuq ieħor stqarr id-Deputat tal-Partit Laburista filwaqt li fakkar kif Simon Busuttil qal li jrid imur lura għall-pajjiż normali, iżda pajjiż normali xi jfisser għalih?, staqsa Silvio Schembri. Ifisser li mmorru lura għall-kontijiet ogħla, għall-mediċini out of stock u għal childcare li tħallas għalih fost oħrajn?. Persważ lin-nies ma jridux ireġġgħu l-arloġġ lura temm jgħid id-Deputat Laburista Silvio Schembri.

Reġa’ hawn il-fiduċja f’pajjiżna

Min-naħa l-oħra Aaron Farrugia saħaq li f’pajjiżna reġa’ hawn il-fiduċja li qabel kienet intilfet. Intilfet meta n-numru ta’ nies ifittxu x-xogħol kien ilaħħaq it-8,000 ruħ, meta pajjiżna ddaħħal fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u konna mġiegħla nnaqqsu €40miljun mill-baġit tagħna u meta l-miri fiskali li kien ipoġġi quddiemu stess il-Gvern ta’ qabel ma kienx jilħaqhom.

Farrugia saħaq lir-rapporti ekonomiċi llum qed jgħidu; li hawn rekord fit-tkabbir ekonomiku fejn il-ġid qed jasal għand kulħadd, id-dejn tal-pajjiż u dak privat nieżel, bilanċ fiskali, neżlin ir-rati ta’ dawk fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar u rekord wara l-ieħor ma’ dak li għandu x’jaqsam max-xogħol.

Illum il-fiduċja qegħdha tinħass, fiduċja li ġejja mir-rizultati miksuba frott id-deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern li qed jagħmlu minn Malta suċċess u fejn il-ġid qed jasal għand kulħadd, temm jgħid Aaron Farrugia.

More in Politika