'Ilma fuq il-ġamar'

Ħafna raw id-diskors tal-Viċi President tal-Istati Uniti, Mike Pence bħala tfigħ ta’ ilma fuq il-ġamar li beda jinġema bejn l-UE u l-USA wara li bdiet il-Presidenza ta' Donald Trump

Il-Viċi President Amerikan Mike Pence ipprova jserraħ moħħ Donald Tusk u Jean-Claude Juncker fi Brussell li l-Istati Uniti hija determinata li tkompli tibni fuq il-kooperazzjoni u s-sħubija li teżisti bejn pajjiżu u l-UE.

“Huma xinhuma d-differenzi bejnietna nemmnu li s-sħubija tagħna se tibqa’ u se tiżdied waqt li nħarsu lejn il-futur flimkien,” Pence qal lil Tusk b’ton rikonċiljatorju li jikkuntrasta mal-entużjażmu li wera Trump għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li titlaq mill-UE.

“L-Istati Uniti tappoġġja l-ħsieb ta’ Ewropa magħquda. Irridu nkunu b’saħħitna u magħqudin fuq is-sigurta` u l-istabbiltà fl-Ewropa. Irridu nikkumbattu flimkien it-terroriżmu radikali Iżlamiku. Irridu naqsmu l-informazzjoni mal-istati membri tal-UE u man-NATO.” qal Pence meta ftit ġranet qabel il-President Amerikan Trump kien iddeskriva n-NATO bħala ‘skaduta’.

Pence saħaq li r-Russja trid tonora t-trattat ta’ Minsk, waqt li qal li pajjiżu se jfittex mogħdija ġdida għal skop komuni mar-Russja.

“L-ekonomiji tagħna huma l-aktar importanti fid-dinja. Hemm bżonn għażliet diffiċi biex insaħħu l-vitalita` tagħhom”, qal Pence mingħajr ma rrefera għan-negozjati tat-TTIP.

Ħafna interpretaw id-diskors ta’ Pence bħala tfigħ ta’ ilma fuq il-ġamar li beda jinġema bejn iż-żewġ blokki wara l-bidla fl-Amministrazzjoni Amerikana. Trump ma jidhirx interessat li jikkonkludi ftehimiet ta’ kummerċ. Laqa’ bil-ferħ il-‘Brexit’ u qal li aktar pajjiżi kienu se jitilqu mill-UE li huwa iddeskriva bħala ‘magna għall-Ġermanja.’

More in Politika