Aktar minn €120 fix-xahar għall-kannabis mediċinali...

- Minn pjanta illegali, saret mediċina tiswa l-‘belli liri’
- Żewġ tobba Taljani jgħidu li l-kontroll tal-użu huwa neċessarju
- Min jgħid IVA u min jgħid LE. Diversi qarrejja tal-ILLUM jirreaġixxu b’mod differenti dwar din il-kwistjoni

Hekk kif f’aktar pajjiżi fl-Ewropa, inkluż Malta, qed tiġi diskussa l-introduzzjoni legali tal-kannabis mediċinali, il-mistoqsija li għamlu ħafna kienet fuq kemm se jkollhom jħallsu l-pazjenti biex jakkwistaw din il-preskrizzjoni. Filwaqt li f’Malta għadha ma ntgħażlitx ditta produttriċi u tip ta’ mediċina partikolari li se tkun disponibbli fuq skala nazzjonali (bi preskrizzjoni), bħalissa diġà hawn pazjenti li għandhom preskrizzjoni u permess iġibu l-mediċinali minn barra.

Minn riċerka online li għamlet din il-gazzetta, dwar it-tipi ta’ kannabis mediċinali disponibbli fis-suq Ewropew, jidher li l-prezz medju ta’ bott spray ta’ 10ml, li kapaċi jintuża kollu f’inqas minn xahar huwa ta’ madwar €120. Fuq siti oħrajn li jbigħu prodotti mediċinali derivati mill-kannabis, sibna wkoll kapsuli taż-żejt tal-kannabis li jiswew bejn €20 u €80 għal pakketti ta’ 10 kapsuli differenti skont id-dożaġġ preskritt, bejn l-10 u l-100mg.

Jekk nassumu li dawn il-prezzijiet se jkunu simili hawn Malta, se nkunu qed inħarsu lejn sitwazzjoni fejn l-użu tal-kannabis mediċinali se jkun riservat għall-privileġjati li jifilħu jħallsu mijiet ta’ ewro fil-xahar jew fil-ġimgħa. Imma hemm alternattiva?

 

Bħala pjanta fl-istat natural tagħha hija rħisa imma illegali, iżda legali f’forma ta’ mediċina mhux għall-but ta’ kulħadd

Artiklu ppublikat fuq dan is-sit fil-ġimgħat li għaddew, dwar il-legalità tal-kannabis għal użu mediċinali, qajjem l-interess ta’ bosta li ħallew kummenti u taw l-opinjoni tagħhom dwar dan is-suġġett.

Kienu ftit mill-qarrejja tal-ILLUM li sostnew li tkun xi tkun ir-raġuni, il-kannabis għandha tibqa’ illegali, u kien hemm numru ferm ikbar ta’ qarrejja li laqgħu l-aħbar, jekk din tfisser li nies li qegħdin ibatu se jkollhom mezz biex isibu serħan.

L-aktar kummenti li spikkaw kienu mingħand nies li argumentaw favur il-benefiċċji u l-potenzjal tal-kannabis meħuda fi kwalunkwe forma tagħha, u li wieħed jista’ faċilment jikseb minn pjanta li tiswa biss ftit ewro biex minnha tieħu biżżejjed kannabis għal żmien twil. F’kummenti ta’ wħud mill-qarrejja, intqal li sa ftit snin ilu, l-industriji farmaċewtiċi għamlu minn kollox biex ipinġu l-kannabis bħala perikoluża u għaldaqstant illegali, sakemm il-benefiċċji tal-kannabis bdew jixxandru fuq il-media u ħadd ma seta’ jiċħadhom aktar. B’riżultat ta’ dan, l-istess industriji sabu mod kif jikkumerċjalizzaw l-użu kontrollat tad-derivattiv tal-kannabis, sabiex minnu issa qed jagħmlu profitti kbar huma, dejjem għad-detriment tal-pazjent, li kieku mhux illegali, jista’ jkollu aċċess sempliċi u bi ftit flus tal-pjanta.

 

Studji kliniċi jsostnu li fi stat naturali, il-kannabis tagħmel il-ħsara

Rapport miktub minn żewġ tobba Taljani, Maurizio Bifulco u Simona Pisanti, li ħareġ fuq ġurnal mediku internazzjonali, isostni li l-fatt li ħafna pajjiżi qegħdin jillegalizzaw l-użu mediċinali tal-kannabis, m’għandux joħloq preċedent biex jintalab użu mhux ikkontrollat tal-pjanta.

Bifulco u Pisanti jirrikonoxxu l-benefiċċji enormi li t-Tetrahydrocannabinol (THC) u l-Cannabidiol (CBD) għandhom għas-serħan ta’ uġigħ minn numru ta’ kundizzjonijiet, inkluż kanċer u anke AIDS. Fl-istess rapport, iż-żewġ tobba jenfasizzaw li l-iskop tal-mediċinali kontrollati huwa biex f’kull doża jkun hemm l-ammont pur u neċessarju biex jitratta każi individwali ta’ pazjenti b’kundizzjonijiet differenti.

L-istess rapport jgħid li fl-Olanda u fl-Italja hemm kumpaniji speċjalizzati li jikkultivaw tipi partikolari ta’ kannabis, f’kundizzjonijiet ikkonntrollati, u li minnhom  jiġu estratti u użati biss il-kimiċi benefiċi li jħallu l-inqas possibbli effetti kollaterali, bħall dawk psikotiċi u li jqabbdu dipendenza.

Kumpaniji fl-Olanda u fl-Italja jikkultivaw tipi partikolari ta’ kannabis, f’kundizzjonijiet ikkonntrollati
Kumpaniji fl-Olanda u fl-Italja jikkultivaw tipi partikolari ta’ kannabis, f’kundizzjonijiet ikkonntrollati

L-istess rapport iżda ma jiċħadx li f’ambjent domestiku, u b’kapaċitajiet partikolari, wieħed jista’ jipproduċi l-istess proċess għal użu personali, iżda jikkontestaw fuq kif jista’ jkun hawn kontroll dwar jekk hux qed jiġi użat il-proċess it-tajjeb u kif jista’ jiġi kontrollat l-abbuż. Għaldaqstant, ir-rapport jisħaq li l-kontroll huwa neċessarju biex jiggarantixxi li l-pazjenti li jagħmlu użu mill-kannabis jagħmlu dan b’mod sikur għall-kundizzjoni tagħhom, mingħajr riskji ta’ effetti sekondarji perikolużi.

 

Imma min jiddeċiedi x’inhu legali jew le?

Filwaqt li r-rapport preżenta provi xjentifiċi dwar il-benefiċċju ta’ dożi kontrollati f’forma ta’ spray, pilloli u żejt tal-kannabis u wissa dwar effetti sekondarji ta’ meta l-kannabis titpejjep, f’ebda punt ma ċaħad li minkejja li t-tipjip tal-kannabis fih effetti ħżiena, il-benefiċċji xorta ma jintilfux.

Għaldaqstant nagħlqu dan l-artiklu b’kumment u mistoqsija interessanti li għamel qarrej tal-ILLUM, li staqsa b’liema dritt il-kumpaniji farmaċewtiċi ħadu l-poter f’idejhom biex jiddeċiedu huma x’inhu legali jew le. Dan il-qarrej saħaq li jekk ħadd ma jiċħad l-effetti benefiċi tal-kannabis minkejja l-ftit effetti negattivi, għaliex din tibqa’ illegali, filwaqt li s-sigaretti, li għandhom effetti ħżiena ikbar, imma benefiċi xejn, huma legali, riklamati u disponibbli faċilment minn kullimkien?

Spray derivat mill-Kannabis jagħti doża kontrollata lill-pazjenti
Spray derivat mill-Kannabis jagħti doża kontrollata lill-pazjenti

More in Politika