Il-Partit Nazzjonalista japprova 6 kandidati oħra għall-elezzjoni ġenerali

Fosthom żewġ avukati, imprendituri, għalliema u mużiċista ma' Rock Band

Il-Partit Nazzjonalista, approva 6 kandidati oħra għall-elezzjoni ġenerali, biex b’hekk, it-total ta’ kandidati issa hu ta’ 85. 
Il-kandidati approvati llejla huma dawn: Ivan Bartolo, Errol Cutajar, Chris Sansone, Connie Scerri, Mary Grace Vella u Jason Zammit. Kopja tal-profili ta’ dawn l-individwi qed tiġi annessa ma’ din l-istqarrija. 
F’kummenti wara l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, lKap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal “Il-poplu Malti u Għawdxi hu mxebba’ mill-korruzzjoni, l-gideb u s-serqa ta’ dan il-Gvern. Il-kandidati approvati tal-lejla, flimkien mal-grupp kollu ta’ kandidati diġà approvati, qed juru li mhux qed jibżgħu minn dan il-Gvern u qed jagħtu vuċi lill-poplu Malti u Għawdxi.” 

Il-Kandidati huma
Ivan Bartolo Imprenditur. Għandu dottorat mill-Università ta’ Middlesex. Fundatur u CEO tal-grupp ta’ kumpaniji 6PM. Ilu involut fl-industrija tal-ICT sa mill-1985. Waqqaf is-6PM fl-2001 u kien jimpjega mal-150 konsulent teknoloġiku f’Malta, r-Renju Unit, l-Irlanda u l-Maċedonja.

Errol Cutajar Avukat. Joqgħod Marsaskala, għalkemm twieled u trabba l-Fgura. Miżżeweġ u għandu żewġt itfal. Jipprattika fil-qasam tal-litigazzjoni u l-proprjetà. Kien parti mill-kor Voices għal diversi snin, kif ukoll membru ta’ band rock progressiva. Membru fil-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista.

Chris Sansone Jidderiġi stabbiliment privat u minn tas-Sliema. Involut fl-isport u f’oqsma soċjali oħra, kif ukoll f’għaqdiet reliġjużi.

Connie Scerri Toqgħod Ħ’Attard. Kunsilliera Lokali eletta fl-elezzjoni tal-2015. Għalliema, floral artist, membru tal-Malta Horticultural Society u attiva fil-volontarjat. 


Mary Grace Vella Avukat. Twieldet u toqgħod il-Qrendi. Gradwat din is-sena. Kienet membru tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fil-Qrendi.

Jason Zammit Joqgħod Ħaż Żabbar. Gradwat u professjonist fir-riżorsi umani u t-taħriġ, b’esperjenza fil-qasam taxxogħol fis-settur tal-manifattura u s-settur pubbliku. Membru fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż Żabbar u fis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista.  

More in Politika