'Il-wegħdi politiċi qed jingħataw prijorità fuq il-fatti xjentifiċi...'

BirdLife Malta tinsisti li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni xjentifika għal staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fl-2017

BirdLife Malta tinsisti li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni xjentifika għal staġun tal- kaċċa fir-rebbiegħa fl-2017.

Fi stqarrija li ħarġet l-għaqda ambjentalista favur l-għasafar, kien ġie mfakkar li "llum il-Gvern ħabbar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa tal-2017 li din is-sena se jiftaħ biss għas-Summien minħabba li hemm moratorju fuq il-kaċċa għall-Gamiem. Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali għażel li jaċċetta r-rakkomandazzjonijiet kollha li sarulu mill-kumitat Ornis fl-1 ta’ Frar, u l-istaġun se jiftaħ mis-Sibt 25 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 14 t’April minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar. Il-kwota komplessiva għall-kaċċa fir-rebbiegħa tal-2017 hija ta’ 5,000 Summiena. Il-kwota ta’ għasafar li persuna liċenzjata tista’ taqbad hija ta’ ħames Summiniet f’ġurnata waħda u ta’ għaxar Summiniet tul l-istaġun kollu."

Kif iddikjarat dakinhar li saret ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat Ornis, BirdLife Malta terġa’ tinsisti li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għax l-istudji kkummissjonati u mħallsin mill-gvern stess juru li fil-ħarifa jgħaddi biżżejjed Summien tul l-ewwel xahrejn tal-istaġun tal-kaċċa. Aktar minn hekk, il-prinċipju ewlieni tal-konservazzjoni li l-għasafar li jkunu qed ipassu lejn l-Ewropa fi triqithom biex ibejtu m’għandhomx jinqatlu, jibqa’ r-raġuni prinċipali wara din il-pożizzjoni ta’ BirdLife Malta.

BirdLife Malta jsostnu li "hija ħasra li għal darba oħra l-wegħdi politiċi qed jingħataw prijorità sew fuq dawn il-fatti xjentifiċi kif ukoll fuq dan il-valur importanti tal-konservazzjoni li t-tnejn huma prova ċara għalfejn staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq is-Summien mhuwiex ġustifikat."

Il-vot ta’ BirdLife Malta fil-laqgħa tal-kumitat Ornis tal-1 ta’ Frar kien l-uniku wieħed kontra l-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fl-2017. Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u ż-żewġ rappreżentanti indipendenti magħżulin mill-Gvern flimkien maċ- Chairman tal-kumitat Ornis kollha vvutaw favur. 

More in Politika