'Simon Busuttil hu giddieb u ħalliel tal-verita'

Muscat jitlob lil laburisti jilqgħu b’idejhom miftuħa lil dawk in-nazzjonalisti li qed jersqu lejn il-Partit laburista

Joseph Muscat f’diskors imqanqal fil-każin Laburista tar-Rabat semma l-istorja li ħarġet fuq il-MaltaToday dwar ta’ min kienet it-tielet kumpanija tal-Panama. “Ilu xhur sħaħ dejjem jitfa' s-suspetti li din il-kumpanija kienet tiegħi. Iżda issa għandu iswed fuq l-abjad li la qatt kienet tiegħi, la qatt hi tiegħi u lanqas qatt mhu se tkun tiegħi. Għall-bidu ma kontx nagħti kasu, kont ngħid ħallih ħa jgħid, jien irrid nieħu ħsieb inġib ix-xogħol fil-pajjiż u mhux nagħti każ l-insinwazzjonijiet. Iżda issa li fl-aħħar ħarġet il-verita ngħidlu...Iva int giddieb kbir. Simon Busuttil hu giddieb u ħalliel tal-verita. Dan qed jigdeb għax m’għandux x’joffri u m’għandux xi jgħid.”

Fost l-applawsi ta’ dawk preżenti Muscat qal li hu xorta jagħtih l-id tal-ħbiberija, “mhux għal wiċċu. Iżda għax aħna mhux se nibbażaw pajjiż fuq ‘grudges’. Għax jekk insaħħnu l-irjus, sew jien kif ukoll hu l-pajjiż u n-nies se jbatu.”

Ejja niġġieldu l-ġlieda politika..iebsin ma' xulxin politikament...izda ġlieda politika u mhux ġlieda maħmuġa Joseph Muscat

“Ejja niġġieldu l-ġlieda politika..iebsin ma' xulxin politikament...izda ġlieda politika u mhux ġlieda maħmuġa. Anke jekk ikompli jigdeb fuqi r-responsabilita tiegħi hi li nara li l-pajjiż kollu jimxi l-quddiem u mhux parti minnu. Din tfisser l-id tal-ħbiberija tibqa miftuħa għax  hemm ta’ madwaru jriduha jekk ma jridhiex hu. Dawk li qatghu qalbhom biex jisma minnhom. Ta madwaru li wħud minnhom huma kommessi li jibqgħu iżda jridu relazzjoni diċenti fil-politika, ta’ madwaru li whud minnhom qed jiddeċiedu bħalissa li jgħidulu saħħa u grazzi u jigu magħna f’dan il-moviment.”

Muscat ħeġġeġ lil partitarji Laburisti biex jilqgħu b’idejhom miftuħa lil dawk in-nazzjonalisti li qed jersqu lejn il-moviment u mhux iħarsu lejhom bħala nazzjonalisti li jaqblilhom ixaqilbu lejn il-labour għax jinsabu fil-gvern, “Niggarantielkom li hemm nies mill-kbir saż-żgħir li sal-elezzjoni li għaddiet ivvutaw lil PN u li qed jersqu lejn il-Partit Laburista u mhux biżżejjed li jien ngħidilhom merħba iżda d-dover tagħkom li lkoll flimkien ngħidulhom merħba f’dan il-moviment għax dak hu s-sisien il-kbir ta kif se tkun strutturata mill-ġdid it-tkomplija ta’ dan il-moviment. Ħaddiehor irid mill-ġdid l-aħmar u l-blu. Irid li jdaħħal il-firda anke jekk  qed iħoss lin-nies jitilquh u l-uniku ċans li għandu li jżommhom hu li ngerrxuhom ahna jiġifieri li Meta jersqu lejna nghidulhom jitilqu lura. Din hi  sfida morali u sfida ta integrita li timmarkana bhala pajjiż.”

Muscat temm billi qal li dan il-gvern se jkun qed ifittex it-tieni mandat mhux biex jirbaħ elezzjoni iżda, “ biex il-bidla li bdejna fl-ewwel ħames snin li nibddlu wiċċ il-pajjiż u  li nqassmu l-ġid li ħloqna u nagħmlu soċjeta kosmopolitana li kulħadd ikun suċċess.”

More in Politika