Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Aċċessibilità fid dinja tax-xogħol għal persuni b'diżabilità

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana tiftaħ konferenza dwar 'L-impjieg ta’ Persuni b'Diżabilità fis-suq tax-xogħol'

Staff Reporter / 17 ta' Frar 2017 16:23
“L-inklużjoni soċjali u l-aċċessibilità sħieħa kienu u jibqgħu l-pern tal-ħidma kollha tal-Gvern fil-qasam tad-diżabilità u dan il-għan jintlaħaq bis-sehem sħiħ tal-entitajiet kollha li b'xi mod jaħdmu f'dan is-settur.”  

Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana meta dalgħodu fetħet konferenza f'Malta għal delegati Maltin u Ewropej dwar “L-impjieg ta’ Persuni b'Diżabilità fis-Suq tax-Xogħol”.  Din il-laqgħa, mifruxa fuq erbat ijiem, hi organizzata mill-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tal-Persuni b'Diżabilità, bis-sehem importanti tal-European Union of Supported Employment u l-European Disbaility Forum.

Caruana fissret l-importanza ta’ forom diversi, maħsubin biex iressqu lil dawn il-persuni lejn id-dinja tax-xogħol. Qalet li jsir ħafna xogħol ta’ tħejjija meħtieġa biex mhux biss ikunu mħarrġin fl-aspetti differenti tal-impjieg, imma wkoll jaddattaw irwieħhom għall-ambjent li jidħlu fih.  Hija fissret kif dawn il-metodi jeħtieġu s-sehem kostanti kemm tal-indivdiwi nfushom, ta’ dawk li jipprovdu l-impjieg, kif ukoll tal-bqija tal-ħaddiema, li jilqgħu fosthom persuni li dan l-ambjent tax-xogħol huwa opportunità ġdida għalihom.

“F'dan il-passaġġ bejn ħajja dipendenti għal dik ta’ għajxien indipendenti, hemm ħafna fatturi li jaffettwaw kemm lil dawk b'diżabilità kif ukoll dawk b'abilitajiet oħra,” saħqet Caruana.  Hija fissret kif dan jinvolvi persuni mħarrġin apposta li jiggwidaw u jgħinu lil dawk b'diżabbiltà jibnu attitudni ta' kollaborazzjoni mal-bqija tal-ħaddiema kif ukoll għal dawn l-istess ħaddiema biex jifhmu aħjar il-kunċetti u l-prattiċi ta' aċċettazzjoni tad-diversità u inklużjoni xierqa.

“Dawn huma l-passi ewlenin biex noħolqu u nkabbru l-aċċessibilità għad-dinja tax-xogħol u b'mod speċifiku għall-persuni b'diżabilità, għax ix-xogħol huwa fundamamentali biex persuna tikseb dinjità sħiħa,” qalet Caruana. Hija ddeskriviet il-ħidma tal-Gvern f'dan is-settur, li wassal biex mijiet ta’ persuni bħal dawn sabu għajxien indipendenti, meta sa ftit snin ilu anqas biss kienu joħolmu li xi darba jistgħu jfittxu impjieg.  Hija attribwiet dan għall-ekonomija b’saħħitha li bena l-Gvern, kif ukoll għall-ħidma kontinwa tas-Segretarjat Parlamentari li tmexxi fuq kull livell - leġislattiv, finanzjarju, u soċjali.

Is-Segretarju Parlamentari Caruana tkellmet ukoll dwar il-bosta proġetti fil-linja ta' Soċjetà Ġusta, u l-ħafna miżuri li ħolqu ambjent ta’ ugwaljanza u ekwità għal dawn il-persuni li jistħoqqilhom kull spazju u kull appoġġ mis-soċjetà kollha.  Hija fissret kif il-konsultazzjoni kontinwa mal-għaqdiet volontarji, u ma’ dawk kollha nvoluti - fuq kollox l-istess persuni b'diżabilità, kienu fatturi ewlenin biex f'dan il-qasam Malta wettqet rivoluzzjoni siekta.

Hija kkonkludiet billi fakkret li f'dan il-qasam, Malta tkompli tagħti sehemha f'livell Ewropew ukoll, u proprju tul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea se taħdem bis-sħiħ biex issaħħaħ il-proċess meħtieġ għall-adozzjoni finali tal-Att tal-Unjoni Ewropea dwar l-Aċċessibilità.  Hija awgurat ħidma ta’ progress u suċċess lid-delegati Maltin u Ewropej preżenti għal din il-konferenza, “li ġiet fi żmien tajjeb meta pajjiżna diġà jista' jaqsam ma’ stati membri oħra il-prattiċi u l-esperjenzi tajbin li ksibna fl-aħħar tliet snin fil-qasam tad-diżabilità,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana.

Finalment, hija rringrazzjat lill-MFOPD, MASA, EUSE, u EDF, għall-ħidma tagħhom b’risq l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fid-dinja tax-xogħol.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook