Min ikisser, iħallas.

X'inhu sekwestru ? meta għandu jintuża ? u meta jista' jiġi abbużat ?... u Chris Cardona għamel sew li ħareġ mandat ta' sekwestru kontra Daphne Caruana Galizia ? ... Joe Ellis iwieġeb

Matul kwalunkwe sena, jinħargu mijiet, jekk m’hux eluf ta’ mandati.  Imma żgur illi l-ebda mandat ma qajjem daqshekk għagha daqs l-erba’ mandati ta’ sekwestru kawtelatorji illi nħargu din il-ġimgħa fil-konfront tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia. L-anqas meta l-Air Malta talbet l-ħrug tal-mandat t’inibizzjoni kontra l-pilots tagħha sabiex ma johorgux bi strajk, miżura bla preċedent fl-istorja tar-relazzjonijiet industrijali ta’pajjiżna ma ntqal daqshekk diskors.

Tajjeb illi nispjegaw ftit x’ġara eżatt.  Fil-liġi tal-proċedura ċivili tagħna, nsibu bosta strumenti sabiex jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadin. Jekk xi ħadd jibda jiżviluppa l-għalqa ta’ ħdejn il-propjetà tiegħek u qed tibża’ illi ser jagħmillek il-ħsara, inti tista’ titlob il-qorti sabiex din il-persuna tinżamm milli twettaq ħsara. Dan isir billi jintalab il-ħrug ta’ mandat t’inibizzjoni sabiex min ikun ser iwettaq il-ħsara, jinżamm milli jkompli bix-xogħolijiet illi jkun ser iwettaq.

Dan it-tip ta’ mandat jissejjaħ kawtelatorju, jiġifieri huwa mandat intiż sabiex jippreserva d-drittijiet tal-persuna sakemm il-qorti tiddeċiedi min tassew għandu raġun. F’kelma waħda, bil-ħruġ tal-mandat, ser jiġi ppreservat l-istatus quo. Jekk il-qorti tilqa’ t-talba għall-ħrug ta’ mandat t’ inibizzjoni, il-persuna illi tkun talbet il-ħrug tal-mandat hija obbligata illi tippreżenta kawża fi żmien għoxrin jum.  Imbaghad il-qorti tiddeċiedi min tassew għandu ragun u min għandu xi dritt illi għandu jiġi protett.

Hemm bosta tipi ta’ mandati illi għandhom skopijiet differenti. Jekk xi ħadd irid iżomm illi t-tifel tiegħu jittieħed f’pajjiż ieħor, jista’ jitlob il-ħrug ta’ mandat t’inibizzjoni għal tali skop. Anke jekk xi ħadd għandu jiehu xebgha flus mingħand xi ħadd, jista’ jitlob il-ħrug ta’ mandat t’inibizzjoni sabiex vapur ma jitħalliex jitlaq minn Malta jew sabiex min għandu propjetà, ma jitħalliex ibiegħha. B’hekk, il-kreditur jiġi protett billi sakemm tinqata’ l-kawża, ikun hemm assi disponibbli biex jagħmlu tajjeb għall-pretensjoni tal-kreditur. Min jirbaħ kawża jkun irid jirnexxielu anke jiehu dak illi jkun rebah.  Ftit tiswa sentenza illi ma tistax tiġi ezegwita (ħlief għal raġunijiet ta’ taxxa).

Jeżistu mandati oħra sabiex jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadin. Fost dawn il-mandati hemm dawk ta’ sekwestru u ta’ qbid. Meta wieħed ikollu jieħu mingħand xi ħadd, jista’ jitlob il-ħruġ ta’ mandat ta’ qbid fuq il-propjetà tad-debitur sabiex terza persuna żżomm f’idejha l-assi tad-debitur biex jagħmel tajjeb għat-talba tal-kreditur. Jista jitlob ukoll illi min għandu jagħti l-flus lil dik il-persuna jżomm l-ammont mitlub u jiddepożitah il-qorti sakemm tinqata’ l-kawża.  Dan hu l-mandat ta’ sekwestru.  Jekk it-talba ssir meta l-kawża tkun għadha ma nqatgħetx, il-mandat jissejjaħ sekwestru kawtelatorju mentri jekk jintalab wara illi tinqata’ s-sentenza jew wara illi l-kreditur ikun akkwista xi titolu eżekuttiv ieħor, jissejjaħ mandat ta’ sekwestru eżekuttiv. 

Meta l-kreditur ikun jaf kemm għandu jieħu, il-mandat joħroġ fuq l-ammont pretiż.  Imma jista’ jkollok każ meta min jitlob il-ħruġ ta’ mandat ta’ sekwestru jibbaża t-talba tiegħu fuq dak illi jippretendi illi għandu jieħu.  Biex nagħtu eżempju, wieħed isoffri ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku, isoffri diżabilità ta’ ċertu entità u jiftaħ kawża.  Kif wieħed jippreżenta kawża għal-likwidazzjoni u ħlas tad-danni, jista’ ukoll jippreżenta mandat ta’ sekwestru sabiex jikkawtela l-ħlas tad-danni illi jkun qed jippretendi.  Peress illi d-danni jkunu għadhom m’hux magħrufa, l-ammont tal-mandat hu fid-diskrezzjoni ta’  min jitlob il-ħruġ tiegħu basta jikkonfermah bil-ġurament.

Mandati kawtelatorji huma meħtieġa sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-kredituri imma m'għandhomx jintużaw b'mod abbużiv

Naħseb illi l-qarrejja dlonk jirrealizzaw illi din is-sistema tista’ tagħti lok għall-abbużi.  Fil-preżent, wieħed jista’ jaqbad u jitlob il-ħruġ ta’ mandat ta’ sekwestru kawtelatorju fl-ammont li jrid billi sempliċiment jieħu ġurament.  Madankollu, il-liġi tipprovdi  bosta salvagwardji kontra l-abbużi illi sfortunatament m’hux dejjem jiġu osservati.  Fl-ewwel lok, min jitlob il-ħruġ ta’ mandat ta’ sekwestru kawtelatorju suppost illi qabel ma jitlob il-ħruġ ta’ tali mandat, ikun talab lid-debitur tiegħu illi jħallas l-ammont pretiż fi żmien ħmistax qabel ma talab il-ħruġ tal-mandat.  Jekk l-ammont tal-mandat ma jkunx likwidat, min jitlob il-ħruġ tal-mandat irid jitlob illi jingħata sigurtà adekwata għall-ammont pretiż.

Jekk min jitlob il-ħruġ ta’ mandat kawtelatorju, ma jkunx talab il-ħlas jew il-garanzija kif titlob il-liġi, jista’ jiġi kkundannat mill-qorti jħallas penali ta’ bejn € 1,164.69 (Lm 500) u € 6,988.12 (Lm 3,000).  L-istess penali tapplika jekk min talab il-ħruġ tal-mandat ma jsegwix il-ħruġ tal-mandat b’kawża jew jekk ikun evidenti illi min sarlu l-mandat ikollu mezzi biżżejjed sabiex jagħmel tajjeb għat-talba ta’ min ħareġ il-mandat. Jekk wieħed qed jippretendi li għandu jitħallas mill-Malta Football Association, ħalli nsemmi xi ħadd li m’hux kontroversjali,  m’għandhux għalfejn jagħmel mandati kawtelatorji għax għandu moħħu mistrieħ illi jekk jirbaħ il-kawża, huwa ser jirnexxielu jieħu dak illi jkun rebaħ.

Għaldaqstant, il-liġi tipprova toħloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-kredituri u tad-debituri.  Mandati kawtelatorji huma meħtieġa sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-kredituri imma m’għandhomx jintużaw b’mod abusiv sabiex jintimidaw lid-debitur jew jipparallizawh ekonomikament.  Fil-fatt, xi snin ilu, il-liġi ġiet emendata sabiex sekwestri ma jolqtux faċilitajiet ta’ overdraft jew self għad-dar ta’ min għandu jagħti.  Il-kreditur dejjem irid jifli jekk il-ħruġ ta’ mandat ta’ sekwestru huwiex verament meħtieġ jew le : jekk id-debitur huwa midjun bil-kbir, allura r-risposa hija fl-affermattiv.  Jekk mill-banda l-oħra, huwa evidenti illi l-persuna illi suppost għandha tagħti l-flus għandha mezzi biżżejjed u min qed jagħmel il-kawża jista’ jserraħ rasu illi ser jiġbor dak illi jista’ jkollu jieħu meta tinqata’ l-kawża, allura, t-talba għall-ħruġ ta’ mandat kawtelatorju tkun vessatorja u abbusiva għal aħħar.

Sfortunatament, meta jintalab il-ħruġ ta’ mandat, ma jsirx xi eżami approfondit jekk tali mandat għandux jinħareġ jew le.  Il-mandati jinħarġu b’mod kważi awtomatiku u hu rari tassew illi mandat ma jinħarieġx.  Min ikun ġie milqut b’mandat jista’ jitlob il-qorti tirrevokah jekk ma jeżistux raġunijiet tajba sabiex tali mandat jibqa’ fis-seħħ jew timponi l-penali li semmejt qabel fuq min talab il-ħruġ tiegħu jew tordna l-ħruġ ta’ garanzija għad-danni illi jkun soffra. Kif wieħed jista’ jara, il-liġi tipprova dejjem tibbilanċja d-drittijiet tal-partijiet kollha.

Wara l-ħruġ tal-mandati fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia, kienu bosta li esprimew l-opinjoni tagħhom fir-rigward.  Il-professur Kevin Aquilina ppropona emenda fil-liġi tal-proċedura ċivili sabiex ma jkunux jistgħu jinħarġu mandati kawtelatorji fil-konfront ta’ ġurnalisti u ġurnali.  Kien hemm min ippropona ukoll illi tali mandati jinħarġu biss fejn l-ammont pretiż jaqbeż € 15,000.

Għalkemm diġa m’hux possibili illi jinħarġu mandati kawtelatorji fil-konfront tal-gvern u tal-banek kummerċjali peress illi wieħed jistenna illi ma jkollux problemi sabiex jitħallas minnhom f’każ ta’ sentenza ta’ kundanna ta’ ħlas, ma naqbielx mal-proposta tal-professur Aquilina għaliex il-liġi għandha tapplika l-istess għal kulħadd.  Fl-opinjoni tiegħi, m’hemmx bżonn illi tinbidel il-liġi imma illi tiġi applikata aktar skrupolożament dik preżenti u dan anke mill-ġudikatura.  Kemm il-darba tlabt illi min ħareġ mandat jiġi ordnat iħallas penali għaliex ma talabx il-ħlas qabel ma ħareġ il-mandat imma dawn it-talbiet qatt ma ġew aċċettati.  Il-qrati normalment jiffavorixxu lil min għandu jieħu imma naħseb illi dawn il-mandati għandhom jinħarġu b’aktar kawtela fejn l-ammont pretiż ikun għadu ma’ ġiex likwidat. U jekk il-mandati jinħarġu bla pre-avviż, min joħroġhom għandu jħallas għal dan in-nuqqas tiegħu.  Għax m’hux sew illi wieħed jiġi sorpriż b’mandat mingħajr avviż ta’ xejn minn qabel.

Fil-każ in kwistjoni, wieħed għandu dubji serji kemm kienet verament teżisti l-ħtieġa li jinħarġu dawn il-mandati.  Jidher illi qabel ma nħarġu dawn il-mandati, ma saret l-ebda talba lil Daphne Caruana Galizia sabiex tagħmel tajjeb għall-ammont li kienu qed jippretendu l-ministru Cardona u Joe Gerada.  Dan in-nuqqas jista’ jesponihom għall-ħlas ta’ penali. Fit-tieni lok, kemm verament teżisti l-possibilità illi jekk jintrebħu d-danni, dawn ma jitħallsux ?  Għaldaqstant, dawn il-mandati  jistgħu jiġu revokati jekk jintwera illi m’hemmx verament il-ħtieġa tagħhom. 

Dana peress illi wieħed irid iżomm f’moħħu illi għalkemm m’hemmx dubju illi tali mandati setgħu joħorġu, ma jfissierx illi kellhom joħorġu.  Fid-dritt teżisti n-nozzjoni ta’ abbuż tad-dritt meta wieħed jagħmel użu ħażin tad-dritt li tagħtih il-liġi.  Fil-każ in kwistjoni, jidher illi tali abbuż seħħ imma għax ġara hekk, ma jfissierx illi bil-fors għandna nistravolġu kunċetti illi ilhom magħna għal bosta snin.  Irridu minflok inħallu s-sistema taħdem sabiex  tindirizza l-kwistjoni jekk tali mandati għandhomx jibqgħu fis-seħħ jew le u kif dejjem ngħidu, min ikisser, iħallas.

More in Politika