‘Min m’għandux argumenti l-unika tama li għandu huwa li jifred u jipprovoka’

‘Aħna moħħna fl-Għaqda, fis-suċċess biex Malta timxi ‘l quddiem’

"Din il-ġimgħa kienet waħda storika għal Malta, u minkejja li kien hemm min ħaseb li kien se jkollna moħħna fl-Ewropa u barra, ma fehmux li dak li ħdimna għalih din il-ġimgħa kien immirat biex nagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. F’din il-ġimgħa ġibna r-rizultati fl-Ewropa u Malta."

Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kumitat Lokali ta’ Ħal Safi, fiċ-Ċentru Laburista tal-istess lokalità.

“Aħna ma niddejjqu xejn imorru nieħdu kikkra te f’ħanut żgħir, aħna qatt mhu se ninqatgħu minn man-nies, aħna kbrin li tfal tal-ħaddiema, kburin li telgħin u qed intellgħu n-nies magħna, kburin li mal-poplu Malti u Għawdxi”, stqarr il-Prim Ministru.

“Aħna rridu li uliedna jkunu aħjar minnha, qed nitolbu dak li jistenna kull ġenitur. Li jkun hemm titjieb tal-kundizzjonijiet. Turisti li lesti li jħallsu aktar se jkollhom servizz aktar u allura pagi aħjar. Ma’ dan l-investiment qed nimxu pari-passu biex nuru li dan is-settur huwa karriera u mhux sempliċiment job part-time. Il-qasam tas-servizz huwa karriera, karriera li se tkun qed titħallas aħjar għaliha, spjega l-Mexxej Laburista.

“Dawn huma r-rizultati li qed niksbu. Iżda l-ikbar rizultat huwa l-mod kif qed naġixxu. Min m’għandux argumenti l-unika tama li għandu huwa li jifred u jipprovoka. In-nies jifhmu, jaraw u jgħarblu fil-kwiet ta’ darhom, jaraw x’inhu tajjeb u ħazin, jiżnu, u jħossu lil min hu ġenwin, jifhmu min jagħmel żbalji ġenwini. In-nies jgħidulna min hu bitter, min ma jiflaħx jara l-affarijiet sew, li anke meta jkollu argument jispiċċa jkisser l-argument tiegħu stess daqs kemm huwa bitter” qal il-Prim Ministru.

“Il-wegħda tiegħi hija li aħna mhux se naqgħu f’dawn il-livelli. Se nitkellmu fuq il-livell tal-familji, se ngħollew ‘l fuq, mhux il-livell tal-qrusa, tat-tgħajjir il-baxx. Se mmorru għall-livell ta’ dawk li jaqilgħuha u jiekluha, dawk li llum sejrin aħjar, dawk li għandhom aspirazzjonijiet għalihom u għall-uliedhom, nies li ddejjqu mill-politika li tħammeġ. Inħallu l-ġlied u l-firda għal ħaddieħor, moħħna fl-Għaqda, fis-suċċess biex Malta timxi ‘l quddiem, temm jgħid il-Mexxej tal-Partit Laburista.

 

 

More in Politika