Diskuss is-Summit Informali tal-Mexxejja Ewropej li se jitlaqqa’ f'Malta

F'Lisbona, ġie diskuss is-Summit Informali tal-Mexxejja Ewropej li se jitlaqqa’ f'Malta nhar il-Ġimgħa

L-immigrazzjoni u l-proġett Ewropew se jiddominaw l-aġenda tas-Summit Informali li se jitlaqqa’ nhar il-Gimgħa f'Malta. 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wassal il-ħsibijiet tiegħu dwar dawn iż-żewġ punti waqt is-Summit tal-pajjiżi fin-naħa t'isfel tal-Unjoni Ewropea mmexxi mill-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa u li għalih qed jattendu l-President Franciż Francois Hollande, il-President ta’ Ċipru Nikos Anastasiades, il-Prim Ministru Taljan Paolo Gentiloni, il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy u l-Prim Grieg Alexis Tsipras.

Dwar l-immigrazzjoni, Dr Muscat qal li l-qafas tad-diskussjoni nhar il-Ġimgħa huwa pass ambizzjuż ‘il quddiem, għalkemm mhux biżejjed, li fuqu hemm qbil fil-prinċipju bejn il-Pajjiżi Membri. Il-Prim Ministru qal li Malta tilqa’ l-progress li qed tipprova tasal għalih il-Kummissjoni Ewropea bil-proposti tagħha iżda saħaq li hemm bżonn isir iktar speċjalment għal soluzzjoni dwar is-sitwazzjoni prekarja fil-Libja.

Filwaqt li faħħar ix-xogħol bilaterali li qed tagħmel l-Italja mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, Dr Muscat qal li r-reġjun se jaffaċċja kriżi ta’ migrazzjoni fir-rebbiegħa li ġejja jekk mhux se jkun hemm front maqgħud li jwettaq aktar.

Dwar il-preparamenti għall-avveniment f'Marzu li jfakkar is-60 anniversarju mit-trattat ta’ Ruma, il-Prim Ministru qal li s-Summit f'Malta jrid joħroġ b'diskussjoni politika serja dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea bbażat fuq l-għaqda. Sostna li ma nistgħux ngħaddu bla ambizzjoni għall-Ewropa, għalhekk nhar il-Ġimgħa l-Mexxejja Ewropej iridu jimbuttaw l-ideat tagħhom dwar il-viżjoni tal-progett Ewropew.

Is-Summit tal-pajjiżi fin-naħa t'isfel tal-Unjoni Ewropea huwa t-tieni tax-xorta tiegħu wara dak li tlaqqa’ f'Settembru li għadda ġewwa Ateni. 

More in Politika