Il-45 President tal-Istati Uniti...Iċ-ċerimonja tal-ħatra ta' Donald Trump

Donald Trump jieħu l-ġurament Uffiċjali u jinħatar il-45 President tal-Istati Uniti

Iċ-Ċerimonja tal-ġurament għall-ħatra ta' Donald Trump bħala l-President il-ġdid tal-Istati Uniti seħħet ftit tal-ħin ilu f'Washington.

Barra mill-bini tal-US Capitol, Donald Trump u l-Viċi President tiegħu, Mike Pence ħadu l-ġurament li bih uffiċjalment se jibdew il-ħatra tagħhom.

Donald Trump indirizza n-nies li nġabru għall-inawgurazzjoni, u wara mexxa parata lejn il-White House, li huwa se jokkupa bħala president għal tal-inqas l-erba' snin li jmiss.

F'diskors li għamel ilbieraħ filgħaxija quddiem il-"Lincoln Memorial", qabel l-okkażjoni tal-llum, Donald Trump reġa' wiegħed li se "jagħmel l-Amerika Grandjuża aktar minn qatt qabel" u b'tama li t-temp ikun tajjeb, ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex igawdu l-logħob tan-nar

Il-bidla fit-tmexxija tal-USA. Barack Obama u Donald Trump man-nisa tagħhom Michelle u Melania
Il-bidla fit-tmexxija tal-USA. Barack Obama u Donald Trump man-nisa tagħhom Michelle u Melania

Minkejja numru ta' protesti f'Washington, minn gruppi ta' nies li jopponu l-ħatra ta' Trump bħala President, eluf ta' nies laqgħuh b'ċapċip  kbir hekk kif huwa, flimkien ma' martu Melania, ħareġ u sellmilhom.

Wara numru ta' diskorsi ta' introduzzjoni, il-Viċi President il-ġdid tal-Istati Uniti, Michael Pence, ħa l-ġurament tal-ħatra tiegħu, li ġie segwit mill-kant tal-innu nazzjonali Amerkan esegwit minn kor.

U mat-tmien tal-innu nazzjonali wasal il-ħin biex Donald Trump innifsu jieħu l-ġurament tiegħu u jinħatar uffiċjalment bħala l-45 President tal-Istati Uniti.

Fl-ewwel indirizz tiegħu bħala President tal-Istati Uniti, beda billi sellem lill-ex Presidenti preżenti u l-poplu quddiemu. Trump wiegħed li minkejja l-isfidi li se jsib quddiemhom, se jwettaq il-wegħdi li għamel biex ibiddel l-Amerika għall-aħjar.

Trump irringrazzja l-President preċedenti, Barack Obama li sejjaħħ lilu u lill-martu bħala eċċezzjonali. Imbagħad kompla jisħaq li issa wasal iż-żmien li l-Amerika tintradd lura lill-poplu, liċ-ċittadini, min idejn il-politċi u l-negozjanti li kellhon il-pusess tal-pajjiż fis-snin preċedenti.

Trump qal lin-nies li llum huwa jum ta' ċelebrazzjoni għalihom, għax l-Istati Uniti reġgħu saru tal-poplu. "L-20 ta' Jannar tal-2017 se jibqa' msemmi fl-istorja bħala l-jum li l-pajjiż reġa' sar tal-poplu u mhux tal-partiti."

Il-President il-ġdid qal li l-massakru li kien hemm fl-Amerika s'issa, fl-edukazzjoni u fix--xogħol spiċċa.

Trump qal li l-ġurament li qed jieħu llum, huwa wiegħda lejn il-poplu li n-nefqa biex pajjiżi oħra jsiru sinjuri minn fuq dahar il-poplu Amerikan spiċċat u li issa hija ħaġa tal-passat. Trump wiegħed li issa jridu jħarsu lejn il-futur.

Huwa qal li "mill-lum 'l quddiem, viżjoni ġdida se tmexxi l-pajjiż... mill-lum 'l quddiem, il-pajjiżi l-oħra jridu jkunu jafu li għall-Amerika, il ġid tal-Amerikani se jiġi l-ewwel. Fejn jidħol ix-xogħol, l-industrija u s-sigurtà nazzjonali... l-Amerika se tiġi l-ewwel," qal Trump.

Trump saħaq li se jreġġgħu lura l-impjieġi tal-Amerikani, s-sigurtà u d-dinjità nazzjonali, fejn minkejja li tinżamm ħbiberija mal-pajjiżi kollha tad-dinja, l-mod tal-ħajja Amerikan se jerġa' jkun prevalenti.

Dwar it-terroriżmu, Trump wiegħed li se jaħdem biex jeqirdu minn wiċċ id-dinja, u li dawk li huma patrijotti, m'għandux iħossu ruħhom preġudikati għax ma jridux l-estremiżmu iżlamiku f'pajjiżhom.

Trump temm jgħid lill-poplu li l-vuċi, il-ħolm u x-xewqat tagħhom se jinstemgħu u jitwettqu għax flimkien se jgħixu f'pajjiż aħjar... hekk kif hu se jżomm il-wiegħda li għamel li "Jerġa' jagħmel l-Amerika Grandjuża"

More in Politika