Il-President ma teskludix li tirritorna fil-politika

Marie Louise Coleiro Preca qalet li ltaqgħet mal-Moviment Patrijotti Maltin u trid li jkollha 'diskussjonijiet b'moħħ aktar miftuħ' magħhom

Il-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li ma teskludix li tirritorna fix-xena politika hekk kif jintemm iż-żmien tagħha bħala president. Waqt li kienet qed tiġi intervistata fil-programm Xtra fuq TVM, Coleiro Preca qalet li l-aktar ħaġa li ħasset in-nuqqas tagħha mill-ħajja ta' politikant kienet proprju li jkollha kuntatt man-nies. "Fadalli sentejn bħala President. Wara dak, naraw," żiedet tgħid il-President.

Waqt li kienet qed tiġi intervistata mill-preżentatur Saviour Balzan, Coleiro Preca tkellmet dwar id-diskors imqanqal li kienet għamlet iktar kmieni f'Jum ir-Repubblika. Dakinhar, hi kienet ħarġet qatta' bla ħabel f'attakk kontra l-blogs u d-diskors ta' mibgħeda. Balzan, qal kif meta ftit tal-ġimgħat qabel, kien hemm Glenn Bedingfield bħala mistieden, huwa kien ċaħad li l-President kienet qed tirreferi għalih fil-kummenti tagħha, iżda kienet qed titkellem dwar blogs oħrajn. "Kont qed nirreferi għal kull min juża l-mezzi soċjali sabiex joffendu jew jiddiżrispettaw," sostniet Marie Louise Coleiro Preca, waqt li żiedet tgħid li mhux aċċettabbli li bl-iskuża tal-libertà tal-espressjoni, jiġu attakkati persuni jew jitnaqqas id-dritt għall-privatezza tal-familji.

Kompliet tgħid li l-Partiti politiċi jeħtieġ li jżommu d-distanza tagħhom minn dawn it-tip ta' blogs, waqt li sostniet li d-diskors ta' mibgħeda ma jintużax biss fil-politika, imma hemm numru ta' nies li qed jużaw il-mezzi soċjali biex ixerrdu l-mibgħeda.

Iktar tard matul il-programm, il-President qalet kif personalment iltaqgħet mal-Moviment Patrijotti Maltin, wara talba li tiltaqa' magħhom min-naħa tagħha. "Ridt niltaqa' magħhom għaliex fuq kollox huma Maltin bħali, u nħoss li għandi responsabbiltà lejhom. Nixtieq li jkolli iktar diskussjonijiet magħhom, imma jridu jkunu diskussjonijiet b'moħħ iktar miftuħ għax ma nistgħux ningħalqu fl-argumenti tagħna," kompliet tgħid Coleiro Preca. Kompliet tgħid li meta l-punt tat-tluq tiegħek ikun wieħed preġudikat, tispiċċa titlef ħafna minn ħajtek, "aħseb u ara meta tkun qed titkellem f'isem ħaddieħor jew tipprova tinfluwenza xi deċiżjoni."

More in Politika