'Il-Presidenza Maltija se tagħti nifs u enerġija ġodda lill-Proġett Ewropa...'

Il-MPE Marlene Mizzi, laqgħet il-Presidenza Maltija u qalet li din se tilgħab rwol importanti biex tagħti nifs u enerġija ġodda lill-Proġett Ewropew

Marlene Mizzi
Marlene Mizzi

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-S&D, Marlene Mizzi, laqgħet il-Presidenza Maltija u qalet li din se tilgħab rwol importanti biex tagħti nifs u enerġija ġodda lill-Proġett Ewropew, billi tiffoka fuq l-isfidi li jaffettwawna lkoll, bħall-migrazzjoni, is-sigurtà u l-Brexit, fost oħrajn.

Marlene Mizzi għamlet din l-istqarrija waqt id-dibattitu tal-Plenarja fi Strasburgu lbieraħ filgħodu, fejn il-Membru Parlamentari Ewropej iddiskutew il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

“Hija ironika li f’Marzu, meta se nkunu qed infakkru s-60 Anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma– trattat li jisħaq fuq għaqda akbar fost l-Ewropej -  nistgħu nkunu qegħdin naraw ukoll lir-Renju Unit jagħti bidu għall-Artiklu 50, li jwassal għall-bidu tal-proċess biex dan jinfired mill-Unjoni - żewġ avvenimenti li se jaħbtu waqt il-Presidenza Maltija u li għandhom iservu biex inżidu l-isforzi tagħna għall-għaqda tal-UE,” qalet l-MPE waqt id-dibattitu.

Mizzi temmen li dan huwa messaġġ miċ-ċittadini tagħna li l-Unjoni għandha  bżonn terġa’ tingħaqad maċ-ċittadini tagħha, jekk irridu nissalvagwardjaw il-futur tal-UE. “Huwa proprju għalhekk li ninsab partikolarment sodisfatta li t-tema tal-Presidenza Maltija hija rEUnion, li tiffoka fuq li tisma’ u taħdem għal niesha.”

Waqt l-indirizz tagħha lill-Parlament Ewropew, fil-preżenza tal-PM Joseph Muscat, l-MPE Mizzi qalet: “Wasal iż-żmien li nippreżentaw Ewropa aktar magħquda, iffokata f’ħidmietha u determinata, biex tinkiseb lura l-fiduċja tan-nies fl-UE. Irridu naħdmu fuq l-impenji li kienu mwegħdin liċ-ċittadini tagħna -bħall-abolizzjoni sħiħa tat-tariffi tar-roaming, ir-reviżjoni tar-regoli ta’ Dublin u r-riforma tas-sistema tal-ażil Ewropea, biex in-nies tassew iħossu l-benefiċċji tas-sħubija.”

More in Politika