'Suppost kburi bil-Presidenza, imma qed nistħi' jgħid Casa lill-Membri Parlamentari Ewropej

David Casa jgħid li s-sitwazzjoni preżenti b'Malta fit-tmun hija 'surreali'... Muscat jgħid li meta jrid, jiddibatti miegħu fil-fora lokali, mhux fil-Parlament Ewropew

L-MPE David Casa
L-MPE David Casa

Meta nara lill-pajjiżi fit-tmun tal-UE, suppost inħossni kburi, imma minflok qed nistħi minn Gvern li kompletament jinjora l-valuri tal-kontabbiltà u t-trasparenza.' Dan sostnieh David Casa, Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew ftit tal-ħin ilu quddiem il-Parlament Ewropew fejn kien preżenti l-PM Joseph Muscat

'Il-ħofra bla qiegħ li lest jinżel fiha l-Gvern Malti,' sostna Casa fil-Parlament Ewropew, 'huwa li qed jagħti l-ġenb lill-ġurnalisti Maltin fil-Kunsill tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, biex ma jkollux jiffaċċja mistoqsijiet dwar l-iskandli ta' kuljum.' 

"Is-sitwazzjoni hija surreali. M'iniex qiegħed hawn quddiemkom biex nagħti diskors bħallikieku kollox hu normali. Ma nistax, u mhux se nagħmel hekk,” temm jgħid Casa.

Casa sostna li kien żvelat ukoll li 'l-kumpaniji fil-Panama ta’ Konard Mizzi għada miftuħa u attiva, minkejja l-wegħdiet li ser jagħlaqha. Din l-attitudni perfettament tinkapsula l-indifferenza assoluta tal-Gvern Malti lejn tmexxija trasparenti u responsabbli, u dan ma jirriflettix tajjeb fuq l-UE.'

Intant, il-PM Muscat sostna li dak li kien qed jgħid Casa kienet kwistjoni lokali u li hu lest li jiddibatti miegħu fil-fora lokali mhux fil-Parlament Ewropew. 

More in Politika