16-il raġuni għala l-ħidma matul il-Presidenza fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Kultura hija relevanti għalik

F’dawn l-ewwel sitt xhur, pajjiżna se jkun fit-tmun ta’ wieħed mill-iktar istituzzjonijiet importanti fl-Ewropa, ċoè l-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea

Il-post fejn se jkunu qed iseħħu numru kbir mid-diskussjonijiet l-aktar importanti tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, li qabel kien il-kamra tar-rappreżentanti
Il-post fejn se jkunu qed iseħħu numru kbir mid-diskussjonijiet l-aktar importanti tul il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, li qabel kien il-kamra tar-rappreżentanti

Ħadd m’għandu delużjonijiet ta’ grandezza u saqajna se jibqgħu sodi fl-art. Ħadd m’għandu xi idea li se naqilbu l-Ewropa ta’ taħt fuq. Biss, wara li ppreparajna u ħejjejna rwieħna, nemmnu li nistgħu nagħmlu xogħol tajjeb li b’mod immedjat jew b’iktar negozjati mal-istituzzjonijiet mill-Presidenzi li jiġu warajna, jagħmel id-differenza fil-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u l-bqija tal-Ewropa.

Hawnhekk għandek sittax-il raġuni għala l-ħidma li se nkunu qed nagħmlu fl-oqsma tal-Ġustizzja u l-Kultura fil-Presidenza huma relevanti fil-ħajja tiegħek. Dawn huma fuq żewġ oqsma biss – Ġustizzja u Kultura - aħseb u ara x-xogħol kollu l-ieħor li qed iwettqu sħabi fid-diversi kompetenzi tagħhom!

Ħadd m’għandu xi idea li se naqilbu l-Ewropa ta’ taħt fuq, imma nemmnu li nistgħu nagħmlu d-differenza

Iktar sigurtà

1) Se naħdmu biex dik l-għaqda li ġġib flimkien l-Uffiċji tal-Prosekuturi kollha tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Eurojust, ittejjeb il-ħidma tagħha b’mudell aħjar ta’ tmexxija. B’hekk inkunu nistgħu niġġieldu aħjar il-kriminalità organizzata;

2) Se ngħinu biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-Baġit Ewropew sabiex nassiguraw li l-flus li ġejjin mit-taxxi taċ-ċittadini Ewropej imorru għal proġetti u ħidma favur iċ-ċittadini Ewropej;

3) Se ngħinu lill-Kummissjoni fit-tfassil ta’ sistema aħjar ta’ ġbir ta’ informazzjoni li tissejjaħ ECRIS dwar kriminali li wettqu reat fi kwalunkwe parti tal-Unjoni Ewropea, inkluż kriminali li jkunu ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea.

4) Se mmexxu ’l quddiem proposta biex tissaħħaħ il-ħidma bejn pajjiż membru u ieħor fejn jidħol l-iffriżar u teħid ta’ assi, proprjetà u oġġetti li jkunu ġejjin frott il-kriminalità. Dan biex niġġieldu iktar il-kriminalità organizzata: l-għaqda ġġib is-saħħa.

5) Se nimbuttaw għal titjib tal-liġijiet li jolqu l-ħasil tal-flus sabiex inneħħu d-diskrepanzi fil-liġijiet bejn pajjiż u ieħor u hekk tissaħħaħ il-ġlieda kontra dan ir-reat serju.

6) Se mmexxu ’l quddiem il-proposta favur direttiva kontra t-terroriżmu li ssaħħaħ l-għodod tal-forzi tal-ordni kontra t-terroriżmu u sabiex l-Unjoni Ewropea ssir parti mill-aħħar żviluppi tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu. Dan biex is-sigurtà tiegħek tissaħħaħ.

Is-suq komuni

7) Se naħdmu lejl u nhar biex nkissru min-nofs il-barrieri li hemm fil-liġijiet tal-kuntratti tad-diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol ix-xiri online. Il-mira tagħna hi ċara: dik li jkun hemm liġi mal-Ewropa kollha li biha jekk inti tixtri xi ħaġa online li ma tkunx dak li trid inti, ikollok dritt li jew tibdel l-oġġett, jew tieħu flus lura jew tħassar il-kuntratt mingħajr skużi u burokraziji żejda. Dan hu, wara kollox, is-suq komuni.

8) Se naħdmu biex jintlaħaq kemm jista’ jkun progress dwar l-immodernizzar ta’ direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżivi biex minn banda l-liġi tkun fl-aħjar pożizzjoni li tilħaq mal-iżviluppi teknoloġiċi u fl-istess waqt inkomplu nipproteġu lill-minuri minn affarijiet li jistgħu jagħmlulhom ħsara u niġġieldu d-diskors li joħloq mibgħeda jew vjolenza (hate speech). Dan hu dritt tiegħek f’suq wieħed li jagħti kas ir-responsabbiltà soċjali.

9) Se mmexxu ’l quddiem proposta li tgħin kumpaniji li jkollhom attività f’iktar minn pajjiż wieħed tal-Unjoni Ewropea (eżempju Malta u l-Italja) li f’każ li sfortunatament isibu ruħhom bla flus (insolventi), ikun hemm sett ta’ regoli li japplika kullimkien fl-Ewropa biex jingħataw it-tieni ċans permezz ta’ proċeduri legali li jkunu komuni fl-Ewropa mingħajr kumplikazzjonijiet legali bejn pajjiż u ieħor. Dan hu s-suq komuni.

L-inklużjoni soċjali

10) Ħidma oħra li nemmnu fiha b’saħħa u konvinzjoni hija d-dritt li jekk inti tikseb divorzju, separazzjoni, annullament jew digrieti dwar kustodja dwar tfal f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, dak iċ-ċertifikat tal-Qorti jkollu saħħa fil-bqija tal-Ewropa mingħajr il-ħtieġa li tiftaħ kawżi ġodda.  Din hija l-vera inklużjoni soċjali!

11) Se mmexxu ’l quddiem diskussjoni biex l-Unjoni Ewropea tiffirma l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. B’hekk id-drittijiet fundamentali tiegħek se jissaħħu dejjem iktar;

12) Se nkomplu naħdmu biex l-Unjoni Ewropea tidħol hi wkoll fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex insaħħu l-protezzjoni kontra l-vjolenza kontra n-nisa. B’hekk, ċittadini Maltin ikunu jistgħu jgawdu dawn il-protezzjonijiet mhux f’Malta u fil-pajjiżi firmatarji biss, imma fil-kumplament tal-Unjoni Ewropea.

13) Se naħdmu biex is-sena 2018, li hija l-istess sena li fiha Malta tkun il-Kapitali Kulturali Ewropea, tkun ukoll is-sena Ewropea ddedikata għall-Patrimonju Kulturali. Żgur li din se ssaħħaħ il-valur tal-Belt Valletta fl-2018;

14) Se naħdmu biex fil-kalendarji tal-Bliet Kulturali Ewropej jidħlu wkoll Bliet ta’ pajjiżi mill-EFTA u l-EEA sabiex inkabbru r-rabtiet madwar l-Ewropa kollha;

15) Se nagħtu l-appoġġ kollu tagħna fix-xogħol li l-Unjoni Ewropea tagħmel fejn jidħlu viżas ma’ pajjiżi mhux Membri tal-UE u pajjiżi barra mill-Ewropa bħall-Kanada għal-faċilitazzjoni ta’ kwistjoni relatati ma’ viżas li minnhom igawdu persuni li jgħixu Malta u ċittadini Maltin.

Politika mal-ġirien

16) Se nagħtu l-appoġġ kollu lir-Rappreżentanta Għolja Federica Mogherini li temmen li l-kultura għandha tkun parti kruċjali mill-politika barranija. Dan se jgħin biex jitkattru iktar rabtiet bejn il-ġnus.

Inħares ’il quddiem lejn ħidma iffukata, soda u b’saqajna mal-art. Għal darb’oħra, persważ li pajjiżna se jqum għall-okkażjoni!

More in Politika