Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Il-poplu Malti għandu ċ-ċans jingħata widen fejn bosta jħossu li l-UE mhux dejjem tat kasu biżżejjed'

Mizzi tagħti l-kummenti tagħha dwar il-presidenza Maltija...bħal dejjem tħares lejn il-polz tal-poplu

John Busuttil minn Brussell / 11 ta' Jannar 2017 10:08
Marlene Mizzi bħal dejjem tħares ħafna fuq dak li jgħid il-poplu u it-tgemgim tal-poplu allura tara din il-presidenza bħala opportunita li hu ċ-ċans li jinstema leħen il-poplu Malti.

“Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE hija opportunità mill-aqwa għal kull pajjiż u b’mod partikolari għal pajjiżi żgħar bħal Malta, biex ikunu jistgħu jpoġġu prijoritajiet li  jolqtu lill-pajjiż fl-aġenda Ewropea. Pereżempju Malta tefgħet aktar emfasi fuq ir-reġjun tal-Mediterran u fuq ir-rotta tal-Mediterran użata għall-migrazzjoni. Ikkritikajt ħafna presidenzi qabel Malta li ma tawx prijorità lir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran, fl-istess waqt li komplew jikbru sitwazzjonijiet ta’ kriżi f’pajjiżi bħal-Libja, l-Eġittu u s-Sirja. Nifhem li jekk int pajjiż li m’intix fir-reġjun tal-Mediterran, m’intix se tara l-benefiċċji u l-urġenza li tinvesti l-ħin u l-enerġija fuq diz-zona waqt il-Presidenza tiegħek, ladarba mhux se taffettwa liċ-ċittadini tiegħek b’mod dirett. Għalhekk il-Presidenza toffri lil Malta u liċ-ċittadini tagħha opportunità unika li tfassal il-politika Ewropea skont il-ħtiġiet u mill-perspettiva tagħhom.

“Malta hija pajjiż żgħir iżda nazzjon kbir u għalhekk m’għandi l-ebda dubju li l-Presidenza tal-UE se tkun f’idejn tajbin u ppreparati. Dan huwa test ewlieni għal Malta u l-Ewropa iżda konvinta li l-Presidenza Maltija se tkun suċċess grazzi għad-determinazzjoni, il-professjonalità u l-impenn.

“Peress li l-Presidenza se tkun f'idejn Malta, il-Gvern Malti se jkun jista' jpoġġi bħala prijoritajiet il-kwistjonijiet li jolqtu direttament lill-poplu Malti. Kull presidenza tpoġġi fuq quddiem nett l-aktar affarijiet sensittivi u importanti li jolqtu liċ-ċittadini tagħha, minbarra ovvjament l-interess taċ-ċittadini Ewropej kollha. Ħafna Maltin jinsabu mħassbin dwar l-immigrazzjoni u din il-kwistjoni ilha tinkwetana bħala poplu għal bosta snin. Għaldaqstant il-Gvern Malti għażel li jpoġġi l-migrazzjoni fost l-aktar prijoritajiet li se ssir ħidma fuqhom. Is-suq uniku, l-inklużjoni soċjali u kwistjonijiet marittimi huma wkoll oqsma li jistgħu jtejbu ħajjet iċ-ċittadini Maltin u l-Presidenza Maltija diġà ħabbret li se tkun qiegħda tiffoka fuqhom. 

“Il-pajjiżi ġirien tal-Ewropa u s-sigurtà jmorru id f'id u avvenimenti bħall-ħtif tal-ajruplan juru li huma kwistjonijiet li jridu jingħataw importanza massima kif fil-fatt wiegħed il-Gvern Malti. Malta se taħdem fuq it-tħassib u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej u speċjalment tal-Maltin. Il-poplu Malti għandu ċ-ċans jingħata widen wara snin twal fejn bosta jħossu li l-Unjoni Ewropea mhux dejjem tat kasu biżżejjed. Ninsab ċerta li dawn is-sitt xhur se jkunu ta' benefiċċju kbir għalina l-Maltin.

Segwina fuq Facebook