Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

[Aġġornata] Fearne: 'L-istorja tan-Nazzjon hija fażulla u magħmula biex toħloq allarm'

....reazzjoni mill-Minsteru tas-Saħħa wara storja mill-PN li kienet tgħid illi fl-Isptar hemm pazjenti bl-N1H1 fl-istess swali ma' pazjenti oħrajn 

Albert Gauci Cunningham / 10 ta' Jannar 2017 14:29
...skont Fearne din l-istorja hija fażulla
Il-Gvern ċaħad bil-qawwa kollha rapport li deher fuq il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista ntitolat 'Pazjenti bl-N1H1 fl-Isptar Mater Dei' li allega illi l-Gvern qed jaħbi it-tixrid ta' virus fl-Isptar u li l-pazjenti qed jitpoġġew ma' pazjenti oħrajn fl-istess swali. Il-gazzetta In-Nazzjon qalet illi mhux stabbilit b'mod preċiż l-għadd tal-pazjenti bil-virus. 

Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li jinsabu 'perplessi' mis-sitwazzjoni u mill-fatt li l-pazjenti ma ġewx iżolati. 

Il-Gvern iżda ċaħad bil-qawwa dan ir-rapport u qal illi, 'f’dawn l-aħħar tliet xhur ma kien hemm l-ebda każ ta’ influwenza H1N1 fl-Isptar Mater Dei. Fil-fatt, minn Ottubru sal-lum, fl-Isptar Mater Dei kien hemm 110 każi ta’ influwenza li ġew konfermati minn testijiet fil-laboratorju. F’kull każ instab li l-influwenza kienet tat-tip H3, u ma nstab l-ebda pazjent li kellu l-virus tal-influwenza H1 minn Ottubru sal-lum.'

Il-Gvern qal illi din l-aħbar kienet fażulla u gidba u 'mhi xejn għajr allarm fil-vojt fejn mhux loku.'

'Il-Ministru Fearne lanqas jaf x'inhu għaddej fl-Isptar Mater Dei'

Il-Minsteru tas-Saħħa spjega li kif jiġri f’dan iż-żmien tas-sena, fl-Isptar Mater Dei hemm influss akbar ta’ pazjenti kawża tal-influwenza staġjonali, tal-kesħa u anka minħabba bidliet demografiċi. Madanakollu, grazzi għall-isforzi kontinwi li jsiru mill-professjonisti kollha fil-qasam tas-Saħħa, inklużi l-konsulenti, it-tobba, l-infermiera, u l-ħaddiema kollha f’kull livell, is-sitwazzjoni hi taħt kontroll u l-ħinijiet ta’ stennija fl-Emerġenza xorta jikkumparaw favorevolment ħafna ma’ dawk ta’ snin ilu.

Intant fi stqarrija ilejla l-Partit Nazzjonalista akkużaw lill-Ministru Chris Fearne illi tilef il-kontroll ta' dik li l-PN isejjaħ "kriżi fl-Isptar Mater Dei", għax ma jafx x’inhu għaddej u minn xiex għaddejjin il-pazjenti li qed jieħdu l-kura mill-istess Sptar.

 

 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook