Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

'Meta l-iżgħar pajjiż isir l-aktar setgħan'

‘Jekk il-Gvern ma jsolvix il-problema tal-immigrazzjoni tul il-Presidenza, ikun falla bil-kbir’

John Busuttil minn Brussell / 8 ta' Jannar 2017 10:15
“Il-Presidenza hija opportunità għal kull pajjiż membru biex imexxi l-prijoritajiet tiegħu fuq livell Ewropew. Jekk inti tkun ilek snin sħaħ tisħaq li l-immigrazzjoni għanda tkun solvuta mill-Unjoni Ewropea, imma tħoss li ħafna mill-pajjiżi Membri mhumiex qed jagħtu kasek, meta tieħu l-presidenza f’idejk għandek opportunità tad-deheb biex toħloq politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni li hija fl-interess ta’ Malta u tal-Maltin.” Din kienet ir-risposta tal-kap tad-delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa li ta anke r-raġuni għaliex dan hu possibbli u fl-istess ħin, elenka bis-saħħa dwar il-każ tal-immigrazzjoni u anke dwar il-każ Panama li jista’ jkun li bil-lenti tal-ġurnalisti Ewropej fuq Malta jkun ta’ detriment flok ta’ ġid.

“Għax meta għandek ir-riedni f’idejk, għandek ir-responsabbiltà li tavvanza fi kwistjonijiet oħra tal-ġurnata bħal per eżempju Brexit, l-aggressjoni tar-Russja, il-kummerċ, is-suq Ewropew diġitali u oħrajn. Full kull wieħed u waħda minn dawn l-isfidi/kwistjonijiet jidħlu l-interessi ta’ kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li trid tisma’ lil kull pajjiż membru u tqis bir-reqqa l-pożizzjonijiet ta’ kulħadd. U allura f’daqqa waħda, mill-aktar pajjiż żgħir li hemm madwar il-mejda, Malta saret wieħed mill-aktar pajjiżi setgħana fl-Unjoni Ewropea. F’daqqa waħda, kull darba li tiftaħ ħalqek kullħadd jiskot biex jisma’ lilek. Kulħadd irid mingħandek. U għalhekk jien naħseb li jekk il-gvern Malti ma jsolvix il-problema tal-immigrazzjoni matul din il-Presidenza, ikun falla u jkun falla bil-kbir.” Mistoqsi jgħidilna x’jaħseb li l-poplu Malti se jiggwadanja mill-Presidenza, Casa qalilna, “Hemm gwadann individwali fis-sens li l-gvern Malti impjega iktar nies biex jaħdmu miegħu Brussell u allura dan ifisser li iktar u iktar nies qed jiksbu l-esperjenza tajba u sabiħa li jaħdmu fl-ambitu tal-Unjoni Ewropea. Se jkun hemm aktar laqgħat f’Malta b’rabta mal-Presidenza. Dan iffisser li l-barranin se jkunu qed isiefru iktar lejn Malta għal dawn il-laqgħat u allura, il-lukandi u r-ristoranti se jgawdu, kif ukoll negozji marbutin ma’ dan it-tip ta’ turiżmu ‘tal-konferenzi’.

Jekk dan il-gvern jagħmel biċċa xogħol tajba u jħalli impressjoni tajba fuq livell internazzjonali, din il-presidenza tista’ tħalli frott fis-sens li tgħin lil Malta tattira iktar investiment barrani, tattira iktar kumpaniji barranin jiġu Malta. Il-verità hi li din il-presidenza se tpoġġi lil Malta fuq il-mappa għax il-media internazzjonali se titfa’ ħarsta iktar u iktar fuq Malta. Però din tista’ tfisser ukoll aktar skrutinju fuq Malta. Il-każ tal-Panama f’Malta ma tantx jawgura tajjeb, u allura dan l-iskrutinju fuq Malta jispiċċa biex igerrex in-negozju flok iġibu. Jiena min-naħa tiegħi nawgura li kollox imur b’wiċċ il-ġid”

Segwina fuq Facebook