'Mhux jien l-avukat tal-hijacker...iżda qed ngħin lil ħabib tiegħi li jinsab fuq vaganza'

Jason Azzopardi jgħid li bħala ċittadin għad għandu d-dubji tiegħu fuq il-hijack

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, waqt li kkonferma li se jkun qed jirrapreżenta wieħed mill-hijackers tat-titjira jumejn qabel il-Miled, qal li hu mhuwiex l-avukat tal-hijacker iżda qiegħed sempliċiment jgħin lil avukat kollega tiegħu sakemm jirritorna mill-vaganzi tal-Milied.

Mal-gazzetta MaltaToday, Azzopardi qal li l-avukat kollega tiegħu, Patrick Valentino kien jeħtieġ xi kjarifiki dwar il-każ li kellu f'idejh, iżda minħabba li jinsab għall-vaganzi, Azzopardi daħal minfloku.

Ilbieraħ, l-istess deputat avukat ġie kkritikat sew mill-viċi chairman tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo fejn qal li dan il-każ qed joħloq kunflitt ta' interess.

"Ma ħadtx l-inkarigu tal-każ tal-hijack u m'iniex nirrapreżenta lil Saleh li hu wieħed akkużat mill-hijackers. Iżda Valentino kellu bżonn xi kjarifiki u jien aċċettajt li neħodlu ħsieb bħala kollega." Sadattant Azzopardi ċaħad li hu tefa dubji fuq il-hijacking biex ikun qed jgħin lil hijacker li kien jaf li se jiddefendi, "allura jfisser li nofs Malta qed tipprova tgħin lil hijackers." Azzopardi qal li hu mhux se jiddiskuti l-ebda ipotesi iżda wissa li, "għad hemm 1,001 mistoqsija li għad iridu jitwieġbu dwar il-każ."

"Iżda rrid inkun prużuntuż biex ngħid iżjed dwar il-każ għax tgħallimt li ma nassumi xejn. Maż-żmien it-tweġibiet joħorġu mill-proċeduri tal-Qorti," temm jgħid Azzopardi mal-gazzetta.

Il-każ ta' Saleh ta' 29 sena u Moussa Shah Soko it-tnejn minn Sebha se jkompli dalgħodu. Jekk l-akkużati jinstabu ħatja, jistgħu jingħataw sa sentenza massima ta' għomor il-ħabs.

More in Politika