€8 miljun Għall-Kunsilli Lokali tar-Reġjun Xlokk

Diskussi diversi temi waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mas-Sindki, Kunsilliera u Segretarji Eżekuttivi tar-Reġjun Xlokk, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li s-sena d-dieħla l-Kunsilli Lokali li jaqgħu taħt dan ir-reġjun ser ikollhom l-akbar allokazzjoni minn meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali b’allokazzjoni li tlaħħaq €8 miljun. 

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-Kunsilli Lokali f’dan ir-Reġjun tax-Xlokk għandhom diversi proġetti quddiemhom li għandhom ikunu lesti sal-aħħar tas-sena d-dieħla b’total ta €1.5 miljun, fost l-oħrajn ġonna u spazji miftuħa, ċentri ċiviċi ġodda, learning hubs għall-anzjani, toroq u pavimentar, kif ukoll titjib infrastrutturali.

Il-Gvern ta’ lill-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta binja ġdida fiċ-ċentru tal-Belt sabiex din isservi aħjar għall-bżonnijiet tal-Kunsill Lokali. Hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla ħafna mit-toroq residenzjali li jinsabu l-Belt isirilhom wiċċ ġdid u titkompla r-riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta temm jgħid Buontempo.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo kompla jgħid li l-Gvern ser jindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ f’diversi żoni fosthom fil-Birgu.  Fil-Kottonera ser isiru diversi proġetti, fosthom il-proġett ta’ tisbieħ ta’ Pjazza Misraħ l-4 ta’ Settembru, l-Isla u r-riġenerazzjoni ta’ Baċir numru 1, kif ukoll Pixxina ġdida fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.   Huwa qal li għal Bormla hemm proġetti ta’ Housing li dalwaqt jibdew u anki ser tiġi riabilitata Pjazza Santa Margerita.  Isemmew ukoll il-progett ta’ riġenerazzjoni għal Marsaxlokk u l-proġetti li mistennija jsiru f’ Raħal il-Gdid, fosthom il-pjazza u xogħlijiet fi ġnien Duminku Mintoff kif ukoll l-hub reġjonali fis-sit fejn qabel kien hemm il-grawnd ta’ Pace-Grasso.

Is-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili ġibdet l-attenzjoni dwar il-bżonn ta' pjannar serju għar-riġenerazzjoni tal-Furjana. Hi qalet li hemm bżonn investiment għal aktar parkeġġ fil-lokalità tagħha, kif ukoll koordinazzjoni aħjar mal-LESA sabiex jitjib l-infurzar biex jitnaqqas l-inkonvenjent tat-traffiku fuq ir-residenti.

Intervjenit ukoll is-Sindku tal-Kalkara Speranza Chircop, fejn talbet sabiex il-Gvern jikkonsidra bis-serjetà li jiżviluppa x-xatt tal-Kalkara u b'hekk jiżdied aktar it-turiżmu fil-lokalità.

Il-President tar-Reġjun Xlokk, Paul Farrugia rringrazzja lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali għall-iskema ta’ 100,000 ewro sabiex ir-Reġjuni jagħmlu riċerka u strateġija bi pjan għall- lokalitajiet tagħhom. Farrugia talab għal aktar żmien sabiex ir-reġjun jkun jista’ jħejji l-pjan tiegħu minħabba li kien hemm dewmien fil-proċedura tat-tender.

Is-Sindku tal-Birgu John Boxall saħaq li saret problema li hu bħala Sindku jattendi għall- laqgħat importanti li jikkonċernaw lil-lokal tiegħu minħabba nuqqas ta' koperazzjoni mis-settur privat. Hu qal li dan qed iwassal għal nuqqas ta' rispett lejn persuni bħalu u dan il-fatt jaqtagħlu qalbu mhux ftit. Huwa appella sabiex il-Gvern jintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni għal dawk is-sindki bħalu li jaħdmu mal-privat, fejn ikollhom jattendu għal diversi laqgħat importanti fil-ħin tax-xogħol tagħhom.  

 Is-Sindku ta' Marsaxlokk Horace Gauci talab għall-għajnuna tal-Gvern ċentrali sabiex issir it-triq li tagħti lejn Dellimara. Huwa talab ukoll li ssir pressjoni mal-Planning Authority sabiex din tgħaddi l-kontribuzzjoni tal-Environmental Impact Assessment marbuta mal-powerstation il-ġdida ġewwa Dellimara lill-Kunsill ta' Marsaxlokk.  Dawn il-flus jistgħu jintużaw sabiex jiġu nvestiti fl-ambjent tal-lokalità.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo rringrazzja lil Kunsilli Lokali kollha li pparteċipaw f' dan is-seminar ta' konsultazzjoni mar-Reġjun tax-Xlokk u tenna li kienet ser issir ħidma fuq il-punti diskussa sabiex jkun hemm aktar progress fl-oqsma msemmija.

Ir-Reġjun tax-Xlokk huwa kompost minn dawn il-lokalitajiet: il-Belt Valletta, il-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, Iż-Żejtun, Il-Fgura, Il-Furjana, Il-Kalkara, Il-Marsa, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, Raħal il-Ġdid, Ħal-Tarxien, Ix-Xgħajra.

More in Politika