€360,000 investiment fi proġetti għal integrazzjoni mal-immigranti

Russian-Maltese Cultural Association u l-Foundation for Shelter and Support to Migrants, fost l-oħrajn se jkunu qed jibbenefikaw minn dawn il-proġetti

Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg ħabbar erba’ proġetti oħra li permezz tagħhom l-għaqda Russian-Maltese Cultural Association, il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, u l-Foundation for Shelter and Support to Migrants se jkunu qed jibbenefikaw minn kważi €360,000—€270,000 (75%) minnhom huma ffinanzjati mill-fondi tal-UE.

Fil-fatt l-awtorità responsabbli approvat iż-żewġ proġetti għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi, b’ammont ta’ €140,000 għar-Russian-Maltese Cultural Association, u ieħor f’isem il-Foundation for Shelter and Support to Migrants, liema ammont jlaħħaq għal madwar €100,000 – taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 2014-2020 (FAMI).

Proġett ieħor ser jiġi implimentat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema taħt l-istess Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 2014-2020 (FAMI), b’valur ta’ kważi €30,000. Dan il-proġett huwa mmirat sabiex tingħata għajnuna lil third country nationals ħalli jappoġġjaw lil uliedhom fix-xogħol tal-iskola.

Ir-raba’ proġett—mogħti lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali taħt l-istess fond msemmi hawn fuq b’valur ta’ madwar € 90,000—ukoll se jkun qed jiżgura aktar integrazzjoni.

Borg kompla jgħid li dawn il-proġetti jkomplu jiżdiedu ma’ proġetti oħra approvati aktar kmieni din is-sena. Fil-fatt ftit ġimgħat s-Segretarju Parlamentari Borg ħabbar proġett li se jiġi implementat mill-AWAS; taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (FAMI) 2014-2020 b’valur ta’ kważi €708,000. Huwa qal li l-għan tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (FAMI) hu li jimmiraw, jikkonsolidaw, isaħħu u jiffaċilitaw l-integrazzjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari Borg saħaq li dawn il-proġetti se jikkumplimentaw u jibnu inizjattivi li ġew implimentati taħt il-fondi passati.

Is-Segretarju Parlamentari Borg qal ukoll li dawn il-proġetti huma essenzjali u li l-Gvern huwa impenjat li jaċċerta aktar fondi—kemm lokali, kif ukoll minn programmi oħra tal-UE.

Ian Borg irikonoxxa x-xogħol imwettaq mid-Diviżjoni tal-Fondi u l-Programmi u l-amministrazzjonijiet tal-entitatjiet li permezz ta’ sforzi konġunti qegħdin u se jibqgħu jimplimentaw proġetti fil-qasam tal-ażil, tal-migrazzjoni u integrazzjoni.

More in Politika