Malta tas-Sinjuri Biss?

Numru ta’ migranti qed jistennew li llum jew għada jiġu deportati filwaqt li numru ikbar li għandhom l-istatus ta’ Protezzjoni Umanitarja Temporanja se jkunu qed jistennew l-istess destin wara Awwissu tal-2017

Minn Erica Schembri

Din m’għandhiex tkun xi logħba politika għax il-prezz hu għoli ħafna - qed nilagħbu b’ħajjet in-nies
Din m’għandhiex tkun xi logħba politika għax il-prezz hu għoli ħafna - qed nilagħbu b’ħajjet in-nies

Immaġina tkun ilek tgħix f’pajjiż għal tmienja, disa’, għaxar snin - bnejt ħajtek mill-ġdid, qed taħdem, għandek familja u ħbieb li tħobb, post li ssejjaħ darek. Darba minnhom tkun għaddej normali b’ħajtek meta f’daqqa waħda, tirċievi l-aħbar li se tiġi deportat lura lejn il-pajjiż li għal raġunijiet varji, l-ebda minnhom sbieħ, kellek taħrab minnu. Din hi l-istorja ta’ ħabib tiegħi u ħafna oħrajn li qed jistennew is-sentenza tinqatalhom.

Dan għaliex numru ta’ migranti qed jistennew li llum jew għada jiġu deportati filwaqt li numru ikbar ta’ immigranti li għandhom l-istatus ta’ THP-n (Protezzjoni Umanitarja Temporanja-n) se jkunu qed jistennew l-istess destin wara Awwissu tal-2017. L-inġustizzji f’din l-istorja huma kbar u varji. 

Nibdew biex ngħidu li ħafna minn dawn in-nies tgħallmu l-lingwa, jaħdmu u jħallsu t-taxxi u ilhom jagħmlu hekk għal snin twal. Hi sitwazzjoni xokkanti u tal-biża’ li wara li rnexxielhom jiksbu l-permessi neċċesarji biex jaħdmu, wara li rnexxielhom jintegraw sew fis-soċjetà, xorta qed isibu min jgħidilhom li m’għandhomx drittijiet - jew li l-ftit drittijiet li kisbu jistgħu jitteħdulhom ħabta u sabta. Fi stqarrija stampa, il-ministru għall-affarijiet barranin Carmelo Abela qal li “ma nistgħux nilqgħu lil kulħadd” - il-mistoqsija li tqum hi li jekk ma nistgħux nilqgħu lil min isejjaħ lil Malta daru u lil min jikkontribwixxi fis-soċjetà, mela lil min nistgħu nilqgħu? Qed ngħidu li m’għandniex post għal nies li kellhom jitilqu minn pajjiżhom u li kellhom jagħmlu vjaġġ perikoluż immens, imma mbagħad għandna post għal min jiflaħ jixtri l-passaport bla ebda obbligazzjoni li jagħmel parti mis-soċjetà Maltija? Dan hu l-messaġġ moqżież li dan il-gvern ‘soċjalista’ qed jibgħat - li l-valur tal-ħajja għandu prezz. Fejn huma l-valuri soċjalisti li nieħdu ħsieb lill-fqir, liż-żghir u lill-batut? Dawn in-nies ma waslux Malta b’mod irregolari b’kapriċċ, imma għax f’pajjiżhom hu diffiċli ħafna, ħafna drabi impossibbli, li wieħed jikseb id-dokumenti meħtieġa. Din m’għandhiex tkun xi logħba politika għax il-prezz hu għoli ħafna - qed nilagħbu b’ħajjet in-nies.

F’attività politika f’San Ġwann, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dawn in-nies se jkunu deportati biss jekk jinsab li l-pajjiż t’oriġini tagħhom ikun meqjus sikur. Fl-istess nifs ikkonferma li d-deportazzjonijiet se jseħħu, inkluż tal-ewwel grupp li huma kollha mill-Mali. Daqqa t’għajn lejn ir-Rapport Dinji tal-2016 maħruġ mill-Human Rights Watch turi li se nibagħtuhom f’pajjiż mifni b’arresti arbitrarji, ġlied bejn diversi gruppi, arresti u torturi.

Ngħidu li m’għandniex post għal nies li kellhom jitilqu minn pajjiżhom u li kellhom jagħmlu vjaġġ perikoluż immens, imma mbagħad għandna post għal min jiflaħ jixtri l-passaport bla ebda obbligazzjoni

Fil-każ tat-tneħħija tal-protezzjoni msejħa THP-n, irridu nżommu f’moħħna li dawn in-nies huma fost l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà. Politika li tneħħilhom il-ftit protezzjoni li għandhom bħalissa se tkun biss qed tagħmilhom iktar vulnerabbli u titfagħhom f’ħalq min irid jisfruttahom, b’konsegwenzi koroh għall-ħaddiema kollha. Il-migrazzjoni minn dejjem eżistiet u miżuri bħal dawn żgur li mhumiex se jwaqqfuha għaliex hi proċess naturali. Li se nkunu qed nagħmlu minflok, hu li indirettament se nkunu qed nagħtu l-approvazzjoni tagħna lil min xogħlu hu li jittraffika u jisfrutta lin-nies.

Nifhmu t-tħassib tal-ħaddiema Maltin dwar l-immigrazzjoni, u ħafna drabi dan hu riżultat ta’ tħassib iktar wiesa’ dwar l-opportunitajiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Imma rridu nifhmu li l-għadu tal-ħaddiem mhuwiex l-immigrant. Dawn huma ħaddiema wkoll. L-għadu tal-ħaddiema huwa dak li lest li jieħu vantaġġ minn dawk li jiġu fl-aħħar skaluni tas-soċjetà, Maltin jew barranin. Għalhekk, il-ħaddiema kollha, irrispettivament min-nazzjonalità, għandhom jinagħqdu f’solidarjetà ma’ xulxin u jiġbdu ħabel wieħed lejn iktar drittijiet u soċjetà iktar ġusta. Flimkien, hemm is-saħħa. Huwa meta nkunu maqgħudin fil-ġlieda tagħna kontra l-inġustizzja u l-isfruttament li kulħadd ikun jista’ jgawdi minn drittijiet aħjar. Għalhekk, il-pressjoni għandha titpoġġa fuq il-Gvern biex dawn id-drittijiet jiġu salvagwardjati għax anki mingħajr barranin, min irid jisfrutta lill-ħaddiem Malti xorta jista’ jagħmel dan pjuttost faċilment.

Bħallikieku s-sitwazzjoni mhux diġà gravi biżżejjed, din il-ġimgħa sirna nafu wkoll li tfal mwielda Malta, ukoll jistgħu jiġu deportati. Dawn it-tfal jafu ħajjithom kollha hawn, dejjem marru skola Malta, jilagħbu Malta, għandhom sħabhom Malta, imma xorta se jiġu trattati qishom xi kriminali, imkeċċija lejn pajjiżi li qatt ma sejħu darhom u fejn il-kwalità tal-ħajja hi drastikament agħar. Kif qatt wieħed jista’ jiġġustifika din is-sentenza krudili fuq ħajjiet innoċenti?

 

Nota Editorjali: L-artiklu nkiteb qabel ma l-Gvern ċaħad li se jiddeporta xi tfal, ħamest ijiem wara l-istorja li dehret fil-gazzetta oħt Maltatoday

Erica Schembri hi attivista fil-Moviment Graffitti u fil-Kamp Emerġenza Ambjent.

More in Politika