Norman Vella jinsinwa li Konrad Mizzi daħħal il-flus mill-kuntratt tal-Isptarijiet

...Glen Bedingfield jitolbu biex iġib il-provi mhux jahgħmel l-allegazzjonijiet biss...

Norman vella
Norman vella

F'dibatittu li beda ftit tal-ħin ilu fuq il-programm Xarabank, u li għadu għaddej sakemm kien qed jinkiteb dan l-artiklu, Norman Vella preżentatur fuq l-istazzjon NET TV għamel insinwazzjoni pjuttost gravi fuq il-Ministru Konrad Mizzi meta ta' wieħed x'jifhem li Mizzi ħa xi flus mill-kuntratt iffirmat ma' Vitals għall-proġett tal-Isptar f'Għawdex u r-riġenerazzjoni tal-Isptar San Luqa. 

Vella ħareġ il-kuntratt li għadu kif kien ippublikat u filwaqt li kkritika l-fatt li l-Gvern ħalla 60 paġna barra bil-firma tal-istess Mizzi, qal illi  jumejn wara li kien iffirmat dan il-kuntratt f'Novembru, ntbagħtet email illi fiha ntqal li jeħtieġ jitpoġġew €1 miljun fis-sena, fil-kont li Konrad Mizzi kien fetaħ fil-Panama. Vella insinwa li Mizzi seta' daħħal flus mill-kuntratt hekk kif staqsa jekk hux kumbinazzjoni li jumejn wara li kien iffirmat il-kuntratt ma' Vitals, għaddiet email dwar flus fil-kont tiegħu. 'Kumbinazzjoni,' beda jistaqsi Vella, 'li jumejn wara ntrabat li jitfa' miljun ewro fil-kont?'

Glen Bedingfield qal illi Norman Vella għandu jġib il-provi, "mhux tparla u ġġib il-karti biss. Titkellmu dwar il-korruzzjoni minn filgħodu sa filgħaxija u prova waħda li hi waħda ma ġġibux," sostna Bedingfield. Intant Bedingfield semma diversi każi li seħħew taħt Gvern preċedenti u li dwarhom hemm nies il-Qorti, nkluż il-każ tar-raġel ta' Giovanna Debono u dak tal-iskandlu taż-żejt u saħaq illi hu bil-provi jitkellem fuq il-korruzzjoni, mhux bil-karti. 

 

More in Politika