Bidu ta’ karriera fil-korp tal-pulizija għal 120 kuntistabbli

Il-Ministru Carmelo Abela saħaq li b'din iż-żieda jkomplu jissaħħu d-distretti

Bidu ta’ karriera fil-korp tal-pulizija ghal 120 rekluta li ħadu l-ġurament tal-ħatra tagħhom bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija. Imqassma fi 92 raġel u 28 mara. Dan kien l-ewwel passing out parade li sar fl-Akkademja f’Ta’ Kandja minn mindu twaqqfet bħala Akkademja għal Korpi Dixxiplinati.  Iċ-ċeremonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Il-Ministru Abela tkellem kif grazzi għal dan ir-reklutaġġ, id-Distretti tal-Pulizija se jkomplu jissaħħu b’aktar riżorsi. Preżentament hemm aktar minn 1,000 membru stazzjonat fid-distretti.  Hawn l-Onorevoli Abela saħaq fuq l-importanza ta’ Korp modern, proattiv u eqreb il-komunità kemm permezz ta’ iktar rondi kif ukoll kuntatt ma’ setturi differenti fis-soċjetà.

Fi kliem il-Ministru Abela, biex jintlaħaq dan il-għan bħalissa il-Korp għaddej minn żmien ta’ ristratturar inkluż fir-riżorsa umana kemm permezz ta’ sejħiet ġodda u ngaġġi fi rwoli diversi fil-Korp, flimkien mal-ħsieb lir-rwol tan-nies ċivili jikber f’xogħol amministrattiv. B’hekk il-Pulizija jibqgħu iffukati fuq l-infurzar tal-liġi, l-investigazzjonijiet kriminali u l-protezzjoni tal-pubbliku.  

Fid-diskors tiegħu Carmelo Abela għamel referenza għall-ħidma sfiqa li qed issir fit -trawwim fil-ħiliet. Innota li madwar 260 pulizija fl-aħħar tliet snin ingħataw taħriġ speċjalizzat barra minn xtutna fuq oqsma speċjalizzati f’madwar 20 pajjiż differenti tal-UE. 

Huwa rrimarka li bit-twaqqif tal-Akkademja, bord magħmul minn professjonisti u direttur għall-istudji, it-triq ‘il quddiem hi mmirata li twassal lejn programmi akkreditati u iżjed opportunitajiet ta’ taħriġ f’Akkademji rinomati barra minn Malta. Dan flimkien mal-ixprunar ta’ kultura ta’ taħriġ li jmur oltre mir-reklutaġġ imma li jkun wieħed kontinwu li jwassal għal avvanz fil-karriera.

Il-Ministru għall-Intern għamel referenza għal benefiċċji li se jgawdu minnhom dawn il-Pulizija fejn jidħlu kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema. Fakkar li dawn jinkludu d-dritt tar-rappreżentanza f’union tal-għazla tagħhom, ħinijiet ta’ xiftijiet aktar flessibi u tnaqqis fir-rata ta’ taxxa fuq ‘extra duty’.

Għal dawn l-aħħar 14-il ġimgħa r-rekluti ngħataw taħriġ intensiv kemm akkademiku kif ukoll prattiku li jindirizza dak li se jiltaqgħu miegħu waqt id-doveri tagħhom.  Fost l-oħrajn dan kien jinkludi il-preżentazzjoni ta’ evidenza fil-Qorti, trattament lill-vittmi ta’ reati, ġestjoni ta’ xeni ta’ reat, l-użu ta’ arma tan-nar u oqsma bħal vjolenza domestika, traffikar tad-drogi, reati diġitali u ekonomiċi.

More in Politika