Il-Partit ta' Marlene: jew jitwieled, jew abortit

Illejla ssir l-ewwel laqgħa ġenerali annwali tal-Partit Demokratiku li tista' tkun tal-aħħar

Illum se tkun qed issir l-ewwel laqgħa ġenerali annwali tal-Partit Demokratiku, jew aħjar il-Partit ta' Marlene Farrugia, u fi kliemha stess, din tista' tkun l-ewwel laqgħa minn sensiela ta' laqgħat fil-futur tal-istess Partit jew inkella tkun l-ewwel u l-aħħar waħda, hekk kif l-idea ta' partit ġdid tkun qed tmut qabel eventwalment tkun twieldet.

F'post fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, id-deputata Marlene Farrugia, qalet li wara ħafna laqgħat żgħar li saru bejn il-persuni li kienu mħajra jingħaqdu mal-partit l-oranġjo, illejla se jkun qed isir il-verdett finali. "Wasalna fil-punt li illum naqtgħuha jekk aħniex ħa nsiru Partit formalizzat jew le," kompliet tgħid Farrugia.

Marlene tiddeskrivi l-laqgħa tal-lejla bħala l-bidu jew it-tmiem tal-Partit Demokratiku, u żżid tgħid li, "din l-Ewwel AGM tista' tkun ukoll l-aħħar AGM jekk dawk li huma membri ma jiġux jivvutaw għall-pożizzjonijiet fejn hemm kontestazzjoni."

Farrugia kompliet issostni li jiġri x'jiġri, hi għandha kuxjenza nadifa li hi pruvat iġġib il-bidla u qalet kif, "illejla nkunu nafu x' inhi l-għażla tan-nies. Jiġri x' jiġri jien kuxjenza nadifa li nkun ppruvajt nagħmel id-differenza. Infakkarkom li dak li qed nipprova nagħmel mhuwiex il-Partit ta' Marlene. Jien biss il-katalist biex din il-mewġa tinbet u tissaħħaħ."

Id-deputata żiedet tgħid li jekk fil-laqgħa tal-lejla jkun hemm konferma tal-partit, dan ikun se jitnieda fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan jiġi ftit jiem wara li l-idrologu Marco Cremona rriżenja mill-kariga tiegħu ta' segretarju ġenerali fi ħdan il-Partit Demokratiku wara li qal li kien hemm nuqqas ta' direzzjoni ideoloġika.

 

More in Politika