“Id-diskors tal-Arċisqof għandu jiġi studjat, analizzat u rispettat mill-politiċi”

'Mediċina b’xejn lill-anzjani, żieda fil-pensjoni, titneħħa t-taxxa minn fuq il-pensjoni, kirjiet tal-housing lura għal li kienu, u sussidju għal min jikri mill-privat'






Filwaqt li kemm ilu Joseph Muscat, il-faqar f’pajjiżna żdied, il-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri proposti konkreti biex jindirizza l-faqar. Fost il-proposti konkreti li qed jagħmilhom bħala impenn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil hemm:

  *   Gvern ġdid Nazzjonalista jreġġa’ lura t-taxxa fuq il-faqar u jbaxxi għal li kienet il-kera li żied Muscat għal dawk li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali
  *   Gvern ġdid Nazzjonalista jżid is-sussidju lil dawk il-familji li jikru mill-privat
  *   Gvern ġdid Nazzjonalista jgħolli l-pensjoni biex l-anzjani ma jibqgħux f’sitwazzjoni li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar
  *   Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi t-taxxa tad-dħul minn fuq il-pensjoni
  *   Gvern ġdid Nazzjonalista jirrevedi t-taxxa li jħallsu l-anzjani fuq dividends li jirċievu mill-investimenti li jkunu għamlu f’shares
  *   Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-mediċini kollha lill-anzjani b’xejn

Waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101, Simon Busuttil qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed joħroġ b’dawn il-proposti konkreti, Joseph Muscat lanqas qiegħed jammetti li teżisti din il-problema u li fl-aħħar tliet snin, din il-problema żdiedet. “Qed noħorġu bi proposti konkreti u ffukati u qed nagħtu importanza kbira lill-qasam soċjali. Inutli jkun hemm min jgħid li l-ekonomija hi b’saħħitha meta n-numru ta’ nies fir-riskju tal-faqar qed jiżdied,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil fakkar li Joseph Muscat għolla l-kera għal min jgħix fl-akkomodazzjoni soċjali - deċiżjoni li hija taxxa fuq il-faqar għaliex min qed iħallas din iż-żieda jinsab f’sitwazzjoni ta’ faqar. “Trid tkun verament tlift il-boxxla soċjali biex iddaħħal taxxa fuq il-faqar,” qal Simon Busuttil. Hu qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jneħħi ż-żieda li għamel Muscat u jerġa’ jbaxxi l-kera tal-akkomodazzjoni soċjali lura għal dik li kienet qabel Muscat sar Prim Ministru.

Dwar dawk li jikru mill-privat, Simon Busuttil qal li sar diffiċli ħafna li wieħed jikri mill-privat, għaliex illum għandek bżonn mill-anqas €500 biex tikri mill-privat. “Xi ħadd li jaqla’ minimum wage u jikri mill-privat qed jispiċċa jgħix b’anqas minn €200 fix-xahar,” qal Simon Busuttil, filwaqt li tenna l-impenn tiegħu li f’dawn il-każi, jiżdied is-sussidju biex dawn il-familji jkunu jistgħu jlaħħqu mal-kirja li għandhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-istatistika li ħarġet din il-ġimgħa dwar il-faqar hija xokkanti, speċjalment meta wieħed iħares lejn iż-żieda enormi ta’ dawk l-anzjani li jinsabu f’riskju ta’ faqar. Għalhekk, sostna Simon Busuttil, wasal iż-żmien li tgħola l-pensjoni biex l-anzjani ma jibqgħux f’sitwazzjoni li ma jlaħħqux sal-aħħar tax-xahar, il-pensjoni għandha tiġi eżentata mit-taxxa tad-dħul u li tiġi riveduta r-rata tat-taxxa li jħallsu dawk l-anzjani f’dividends li jirċievu wara li jkunu investew f’shares.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li l-anzjani għandhom jingħataw il-mediċini kollha b’xejn, u mhux ninsabu f’sitwazzjoni fejn hemm anzjani li mhux jiċċekjaw iz-zokkor fid-demm għaliex mhux jingħataw strips biex jagħmlu dan.


Simon Busuttil sostna li 52 sena wara li sirna indipendenti bħala pajjiż, wasal iż-żmien li verament ikollna indipendenza tal-ħsieb, indipendenza mill-korruzzjoni, indipendendenza mill-medjokrita’ u mill-manipulazzjoni, indipendenza mill-faqar kif ukoll mit-tniġġis ambjentali. Hu sostna li wasal iż-żmien li nagħtu tassew il-poplu r-riedni f’idejh u mhux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn klikka ta’ tliet persuni f’Kastilja tagħmel li trid.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar aktar proposti li ħabbar fil-jiem li għaddew, b’mod speċjali waqt id-diskors tal-mass meeting tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Floriana. Simon Busuttil fakkar li f’Mejju li għadda, l-Partit Nazzjonalista diġa’ ħareġ 25 proposta biex tiġi ndirizzata l-problema tat-traffiku fl-immedjat. “Issa, qed nispjegaw il-viżjoni fit-tul tagħna u din hija sistema alternattiva ta’ trasport pubbliku nazzjonali,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li s-sistema tal-buses ma kenitx taħdem sew f’amministrazzjoni preċedenti u taħt dan il-Gvern, flok marret ‘il quddiem, marret għall-agħar. “Wasal iż-żmien li nħarsu lejn sistema ta’ ħafna bliet Ewropew bħalma hi s-sistema ta’ tram jew light railway: sistema moderna li tista’ tgħaqqad il-pajjiż kollu, nkluż Malta u Għawdex u li tagħmilha ovja li m’għandekx tuża l-karozza,” qal Simon Busuttil.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed joħroġ ċar kemm il-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit li għandu viżjoni u li kapaċi jwettaqha. Fil-fatt, wara li Simon Busuttil beda jispjega din il-viżjoni tiegħu, f’paniku, l-Gvern ħareġ żewġ stqarrijiet ta’ malajr: l-ewwel biex jgħid li se jikkummissjona studju fuq l-użu tat-tram f’pajjiżna, imbagħad biex jgħid li se joħroġ tender biex isir studju dwar mina bejn Malta u Għawdex. “Għandna konferma li l-Partit Laburista mhux veru kellu roadmap iżda ħela tliet snin u nofs u m’għamel xejn,” qal Simon Busuttil.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitkellem għall-familji ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk wara li Muscat iddeċieda li jankralhom tanker tal-gass ftit metri biss ‘il bogħod minn djarhom. Hu rrefera għal dak żvelat fil-gazzetti tal-Ħadd, jiġifieri li jekk ikun hemm il-maltemp, it-tanker se jkollu jinqala’ ‘l barra u jinħareġ mill-kosta għax ikun hemm riskji ta’ inċidenti kbar.


Fi tmiem il-kollegament telefoniku, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għad-dikjarazzjonijiet b’saħħithom li għamel l-Arċisqof Mons Charles Scicluna fl-omelija ta’ Jum l-Indipendenza. “Id-dikjarazzjoni ta’ Mons Scicluna hija waħda importanti, ċara, diretta u li qatt ma saret minn Arċisqof f’pajjiżna,” qal Simon Busuttil. Hu qal li din id-dikjarazzjoni saret għaliex il-Gvern mhux miexi fuq bażi ta’ politika nadifa. Fil-fatt, l-Arċisqof tkellem dwar nuqqas ta’ Gvern li joffri għaqda u fuq nuqqas ta’ trasparenza u sbuħija kulturali u naturali.


“Id-diskors tal-Arċisqof għandu jiġi studjat, analizzat u rispettat mill-politiċi,” qal Simon Busuttil, filwaqt li temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jħaddan il-valuri li tkellem dwarhom l-Arċisqof u lest li jirrispettahom.

 

More in Politika