'Dan huwa Gvern pro-business imma huwa wkoll pro-ċittadin u fuq kollox pro-Malta'

Muscat għamel aċċenn għal viżjoni li kellu l-Perit Dom Mintoff, dik li ngħixu f’pajjiż fejn jinħoloq xogħol bizzejjed mhux biss għall-Maltin iżda anke għal dawk li jiġu minn barra



Waqt li kien qed jintervjeni permezz ta’ kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat saħaq li dan huwa Gvern pro-business, imma huwa wkoll pro-ċittadin, pro-sens komun u fuq kollox pro-Malta.

Il-Mexxej Laburista qal li dawn il-jiem kienu ta’ sodisfazzjon kbir kemm bħala Gvern u kemm bħala pajjiż, fejn il-Gvern mhux qed jistrieħ fuq ir-rizultati, fejn illum għandna l-iktar numru ta’ nies jaħdmu mill-1979 ‘l hawn, iżda xorta qed jaħdem biex iġib aktar xogħol. Dr Muscat għamel referenza għall-investiment ġdid ta’ Crane Currency li jammonta għal $100miljun u li se joħloq 300 post tax-xogħol ġdid u tenna li l-aħħar investiment ta’ din il-portata li kien attirat, kien dak tal-SGS fl-1981. Joseph Muscat saħaq li dan huwa Gvern li qed jagħti xeħta globali lil dan il-pajjiż b’investimenti miċ-Ċina, Ġordan, Ażerbajġan u issa mill-Istati Uniti fost oħrajn.

Dr Muscat għamel aċċenn għal viżjoni li kellu l-Perit Dom Mintoff, dik li ngħixu f’pajjiż fejn jinħoloq xogħol bizzejjed mhux biss għall-Maltin iżda anke għal dawk li jiġu minn barra, u dan huwa dak li qed jiġri bħalissa. Minkejja dan aħna rridu li l-postijiet tax-xogħol imorru għand il-Maltin u dan billi jkun hemm aktar taħriġ fosthom għaż-żgħażagħ, saħaq il-Mexxej tal-Partit Laburista. Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq il-ġlieda kontra l-faqar fejn permezz ta’ għajnuniet soċjali, filwaqt li s-sena l-oħra naqset ir-rata ta’ faqar, din is-sena naqsu b’5,000 in-numru ta’ nies f’riskju ta’ faqar. Minkejja dan xorta fadal xi jsir għax għalina l-faqar mhux perċessjoni, sostna Joseph Muscat filwaqt li semma kif inġiebu b’€50miljun f’fondi biex isiru proġetti tal-housing.  Fuq il-housing Joseph Muscat fakkar kif dan il-Gvern wiret lista kbira ta’ waiting list ta’ nies li għandhom bżonn il-housing u għalhekk dawn il-fondi attirati se jkunu qed jgħinu lill-familji fosthom dawk li mhux qed ilaħħqu mal-kirjiet.

Il-Prim Ministru saħaq li dan huwa Gvern li minkejja li huwa pro-business xorta waħda qed jaħdem biex tittieħed azzjoni, azzjoni bħal ma ħa fil-qasam ambjentali. Aħna favur in-negozju imma ma naqblux li l-freeport jespandi, aħna pro-business iżda ħdimna fuq l-illegalitajiet tal-fish farms u sodisfatt li l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet azzjoni fil-konfront tal-operaturi, tenna il-Mexxej Laburista. Din il-ġimgħa wkoll fuq il-kwistjoni ta’ Manoel Island – tajt struzzjonijiet lil Ministru Owen Bonnici biex jifli l-kuntratt u ħareġ kif is-Sindku u n-nies tal-Gżira kellhom raġun u kellu jkun dan il-Gvern li ħa azzjoni fuq din il-kwistjoni wara li Gvern Nazzjonalista m’għamel xejn fi 13 –il sena, spjega Dr Muscat. Il-Prim Ministru fakkar kif Simon Busuttil qal li n-nies tal-Gżira għandhom raġun, imma taħtu bir-raġun baqgħu, anzi  minn fuq, attakka lis-Sindku tal-Gżira. Jien lis-Sindku nagħtih l-appoġġ kollu, l-istess Sindku li wera kif jaħdem b’mod effettiv Kunsill Laburista biex jiddefendi lir-residenti tiegħu, qal il-Mexxej Laburista.

Fl-aħħarnett Dr Muscat għamel referenza għal Masterplan dwar Paceville li kien imniedi din il-ġimgħa u spjega kif permezz ta’ dan il-pjan wieħed jista’ jara x’jista u ma jistax jagħmel, se jingħataw zoni lura għall-pubbliku, zoni turistiċi u zona residenzjali. Dan huwa l-ewwel darba li qed isir pjan hekk, filwaqt li dan huwa Gvern pro-business, huwa pro-sens komun, pro-ċittadnin u fuq kollox pro-Malta, temm jgħid il-Prim Ministru.
 

More in Politika