Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

Titlob sospensjoni tal-warrant ta' kull nutar u avukat li għamel kuntratti fuq kmamar tal-Armier

...l-Avukat Anna Mallia tgħid li f'dan il-pajjiż ma nistgħux nibqgħu bl-attitudni ta' 'min ħ**a, mexa'

Albert Gauci Cunningham / 7 ta' Settembru 2016 12:50
Trid sospensjoni tal-warrant ta' kull nutar u avukat li assista f'kuntratti ta' bejgħ jew kiri ta' kmamar tal-Armier
L-Avukat Anna Mallia, magħrufa bħala persuna voċifera fuq diversi kwistjonijiet, ipproponiet illi kull nutar u avukat involut fil-bejgħ, xiri jew kiri ta' kmamar fl-Armier ikollu l-warrant sospiż għal perjodu stabbilit. Hija tgħid hekk: 'Xbajna naraw nies jilagħbuha ta' Rambo u jisfidaw lill-awtoritajiet u l-liġi u l-ebda Gvern ,'m'għandu jippremja lil dan-nies.' Speċifikament dwar il-kmamar tal-Armier l-Avukata Mallia tgħid illi xebgħet tara 'skritturi privati magħmulin minn nutara li juru l-bejgħ u l-qliegħ li qed jagħmlu minn art pubblika li hija tagħna. Fl-artiklu li deher fuq il-gazzetta l-orizzont Mallia tgħid illi 'wasal iż-żmien li kull min jagħmel dawn l-iskritturi, inkluż nutara u avukati bħali, ikollhom il-warrant sospiż għal ċertu żmien għax l-anqas aħna (l-avukati) u n-nutara m'għandna nkunu kompliċi f'dawn l-illegalitajiet.'

L-avukata Mallia kkritikat l-iskema ta' regolarizzazzjoni għal min għandu illegalitajiet fil-proprjetà u filwaqt li sejħitilha amnestija, qalet illi ma jistax ikun li f'dan il-pajjiż nibqgħu bl-attitudni ta' 'min ħ**a mexa u min ma ħ**iex ma mexiex.'  'In-nies twajba tat-triq huma kollha ddispjaċuti għax huma dejjem obdew il-liġi u qagħdu attenti biex ma jiksrux il-liġi' sostniet Mallia li fakkret kif minkejja li qatt ma kisru l-liġi, ħadd, qatt ma tahom xi forma ta' rikonoxximent. 

Għalhekk Mallia tappella lill-Gvern biex jaħseb għal xi forma ta' rifużjoni fit-taxxa 'bħala rikonoxximent lil dawk li qatt ma kisru l-liġi, liema rifużjoni tkun limitata għal dawk li ma japplikawx għal amnestija.' 

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook