Aġġornat | Jgħid li ra l-provi imma ma marx għand il-Pulizija... sakemm stiednuh huma

Il-Pulizija stiednu lil Ivan Grech Mintoff jaqsam informazzjoni magħhom wara li dalgħodu qal li hu ra aktar provi dwar il-każ tal-viżas mediċi... imma ma marx għand il-Pulizija bihom.

Ivan Grech Mintoff
Ivan Grech Mintoff

Ftit tal-ħin ilu, illum.com.mt ġiet infurmata li l-Pulizija stiednu lil Ivan Grech Mintoff jaqsam informazzjoni magħhom wara li dalgħodu qal li hu ra aktar provi dwar il-każ tal-viżas mediċi... imma ma marx għand il-Pulizija bihom.

Din l-informazzjoni ħarġet wara konferenza li saret dalgħodu l-Belt Valletta, fejn waqtha, Ivan Grech Mintoff mill-Alleanza Bidla qal illi jekk joħorġu aktar provi dwar il-każ tal-viżas mediċi il-kredibilità ta' pajjiżna tieħu daqqa 'l isfel. Huwa sostna kif apparti minn provi li diġà ħarġu fuq ċerti mezzi tax-xandir, huwa personalment ra provi oħrajn li huma pjuttost 'gravi' dwar dan il-każ. 

illum.com.mt, staqsiet lil Grech Mintoff ripetutament jekk huwa marx għand il-Pulizija bil-provi li qal li għandu jew li ra. Filwaqt li ċaħad li huwa għandu provi f'idejh, u li kienu persuni Libjani li wrewh l-istess diskussjonijiet u voice recorders, huwa qal li ma marx għand il-Pulizija għalkemm kellu konoxxenza ta' irċevuti, filmati u chats fuq Viber. 

Mistoqsi minn dan is-sit għalfejn ma marx għand il-Pulizija, Grech Mintoff qal illi l-Libjani fil-fatt marru bil-provi diġà u li hu ma jixtieqx joħroġ din l-informazzjoni minħabba li 'jekk jiġri dan issir ħsara kbira lill-pajjiż u l-kredibilità tiegħu.' 

L-illum.com.mt staqsiet lil Grech Mintoff jekk il-Pulizija, bil-provi li qed jgħid li ra, għandhomx biżżejjed informazzjoni biex jipproċedu kontra nies involuti. Ir-risposta ta' Grech Mintoff kienet fil-pożittiv, hekk kif qal ukoll illi dak li ħareġ s'issa huwa biss 'the tip of the iceberg.'

Dan is-sit staqsa wkoll liema huma l-persuni nvoluti fil-każ skont l-istess provi li qed jgħid li ra mingħand xi persuni Libjani u jekk fosthom hemmx persuni mlaħħqin sew. Filwaqt li ma weġibx, huwa kkonferma biss illi "fost dawk in-nies li rajt jien hemm ħaddiema u persuni f'diversi Ministeri.' 

Grech Mintoff qal ukoll illi jekk joħorġu aktar fatti minn dawk li hu sostna li ra, 'il-pajjiż se jitħammeġ waħda sew u l-Partit Laburista se jikkundanna lilu nnifsu għal 25 sena fl-oppożizzjoni.' 

Fl-istess konferenza stampa, Grech Mintoff sostna li ż-żewġ partiti ilhom it-tnejn li huma jafu b'dawn il-provi li ġew preżentati lilhom minn uffiċjlai għolja Libjani, li wara li kellhomx risposta la mill-Gvern u lanqas mill-oppożizzjoni, ippreżentaw l-istess provi lill-Alleanza Bidla.

Grech Mintoff saħaq li la hu u lanqas ix-xhieda Libjani li għandhom il-provi ma jixtiequ jħammġu ir-reputazzjoni ta' Malta b'dan l-iskandlu, speċjalment ftit xhur il-bogħod mill-presidenza ta' Maltija tal-Unjoni Ewropeja. Għaldaqstant, Grech Mintoff qiegħed jitlob lill-rappreżentanti tal-Gvern u l-oppożizzjoni li jinsew l-interessi partiġġjani u b'mod matur jiltaqgħu flimkien miegħu u max-xhieda Libjani ,sabiex din il-kwistjoni tiġi rranġata bil-kwiet u fl-aqwa nteress tal-pajjiż.

More in Politika