Sistema diġitali għat-tobba biex jordnawlek il-mediċini

L-ebda mediċina out of stock fi 30 ġimgħa minn din is-sena

Il-ġimgħa li għaddiet, giet introdotta sistema diġitali li permezz tagħha t-tobba li jaħdmu fil-kliniċi tal-gvern se jkunu jistgħu jippreparaw il-preskrizzjoni għall-mediċini tal-pazjenti mill-iskema tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek f’inqas ħin u b’aktar preċiżjoni. Preżentement hemm madwar 145,000 pazjent intitolat għall-mediċina mill-ispiżerija tal-għażla tagħhom jew kif inhi magħrufa aħjar bħala POYC.

L-ILLUM tkellmet dwar din is-sistema mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li min-naħa tiegħu spjega kif is-sistema kompjuterizzata se tnaqqas ħafna l-burokrazija u d-dewmien fil-proċess li s'issa kien jirrikjedi li t-tabib jikteb preskrizzjoni bl-idejn kull darba li l-pazjent jiġi bżonn il-mediċina. “L-online prescription hija sistema faċli fejn it-tabib, wara li jkun għamel login bil-kredenzjali tiegħu, se jdaħħal in-numru tal-karta tal-identità tal-pazjent u hemmhekk jiftaħ il-fajl elettroniku tal-istess pazjent. B’din l-informazzjoni quddiemu u kif ukoll il-pazjent, it-tabib se jkollu dak kollu meħtieġ sabiex jikteb il-mediċini u d-doża li għandu bżonn il-pazjent bħala parti mill-kura tiegħu jew tagħha."

Il-Ministru Fearne kompla jispjega li din is-sistema mhux biss se tħaffef il-proċess imma wkoll se tnaqqas il-ħela ta’ mediċini. “Il-Gvern għandu spiża ta' madwar €20 miljun fis-sena fuq mediċini tal-POYC u għalhekk hu importanti ħafna wkoll li jkollna monitoraġġ ta’ kif u fejn qed jitqassmu dawn il-mediċini u li ma jkunx hemm ħela kif kien jiġri fil-passat. Dan il-gvern kien kommess li jsolvi l-problema tal-mediċini out of stock u llum kulħadd jaf li l-out of stock saret ħaġa tal-passat u li għaliha jibqa’ mfakkar biss il-Gvern immexxi mill-amministrazzjoni Nazzjonalista. Illum huma biss waħdiet il-mediċini out of stock filwaqt li s’issa din is-sena kellna 30 ġimgħa mingħajr ebda mediċina nieqsa. Dan hu kollu frott tal-ħidma li qed issir min-nies tagħna u li fl-aħħar mill-aħħar qed igawdi biss il-pazjent. Illum il-pazjent m’għadx għandu bżonn imur jixtri u jħallas għall-mediċini li kienu jkunu dejjem out of stock.”
Mal-ILLUM, Fearne temm jgħid li din is-sistema kompjuterizzata bdiet inizzjalment titħaddem fiċ-Ċentri tas-Saħħa filwaqt li dawk it-tobba tal-familja li huma interessati joffru dan is-servizz se jkunu qed jingħataw it-taħriġ meħtieġ fil-ġimgħat li ġejjin li finalment għandu jwassalhom sabiex huma wkoll ikollhom aċċess għal din is-sistema tal-online prescription.

More in Politika