Ħruq fl-interconnector - Konrad Mizzi fil-Kappara wara problemi fis-sistema tad-dawl

Bosta lokalitajiet jesperjenzaw qtugħ ta' dawl .ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili deħlin fiċ-ċentru ta' Distribuzzjoni fil-Kappara biex jispezzjonaw is-sitwazzjoni - Konrad Mizzi jisħaq dwar l-importanza ta' sorsi differenti ta' enerġija

Vetturi tat-tifi tan-nar fil-Kappara, wara problemi li ħallew xi lokalitajiet bla dawl
Vetturi tat-tifi tan-nar fil-Kappara, wara problemi li ħallew xi lokalitajiet bla dawl

F'diversi nħawi fil-pajjiż dalgħodu nqatgħet il-provvista tad-dawl u f'diversi lokalitajiet il-qtugħ dam bejn nofs siegħa u tliet kwarti. Fost il-lokalitajiet li kienu milqutin, kien hemm Tas Sliema, San Ġwann. Swieqi u anke f'lokalitajiet fin-naħa t'isfel tal-pajjiż. 

Jidher illi dan ġara wara xi ħsarat li nqalgħu fuq il-grid nazzjonali tad-dawl. Fil-fatt bħalissa ħdejn ir-roundabout tal-Kappara hemm bosta nies, fosthom ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll vetturi għat-tifi tan-nar. Il-Ministru Konrad Mizzi jinsab fuq il-post u qed ikun informat bl-aħħar żviluppi. Jidher illi l-problema seħħet hekk kif xi wajers tal-interconnector qabdu n-nar. Dan wassal biex matul il-ġinijiet li għaddew kellha tiġi wżata turbina mill-Power Station tal-Marsa, filwaqt li dik ta' Delimara kienet qed taħdem bil-kapaċità kollha tagħha. 

F'kummenti lill-midja preżenti l-Ministru Mizzi rringrazzja lill-ħaddiema preżenti illi kienu għaddejin b'xogħolhom, filwaqt li saħaq illi inċident bħal dan ikompli juri kemm hija għaqlija l-għażla tal-Gvern illi jmur għal taħlita ta' enerġija, minflok jiddependi minn sors wieħed biss għall-elettriku tal-pajjiż. 

Sa issa huma ftit iż-żoni li għadhom qed jiffaċċjaw problema ta' qtugħ ta' dawl, fosthom Pembroke. 

More in Politika