Pablo jibbottja lil Salvu: 'L-ebda programm m'għandu ċens perpetwu fuq it-TV'

Pablo Micallef iżid mad-doża ta' diskussjoni dwar programmi u skedi fuq ix-xandir nazzjonali u jgħid li fid-dinja televiżiva m'hemm xejn ġdid illi programm jitqaċċat mill-iskeda

Pablo jibbottja lil Salvu, li bħalissa huwa rrabjat mhux ftit għax il-programm tiegħu tneħħa mill-PBS
Pablo jibbottja lil Salvu, li bħalissa huwa rrabjat mhux ftit għax il-programm tiegħu tneħħa mill-PBS

Ix-xandir nazzjonali, jinsab lura fuq l-aġenda hekk kif it-tneħħeija ta' ċerta programmi qajmet reazzjonijiet, xi kultant pjuttist iebsin bħal dawk ta' Salvu Mallia li akkuża lill-Gvern preżenti li hu "faxxist" għax twaqqaf il-programm li kien jagħmel bl-isem 'Madwarna'. 

Mal-akkużi u r-reazzjoni ta' Salvu iżda, ma tantx jidher li qed jaqbel Pablo Micallef, wiċċ li kien popolari fuq it-TV grazzi għas-sehem li kellu fil-programm Deal or No Deal u anke s-sehem tiegħu mal-kumpanija Where's Everybody. F'kumment li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook Micallef tefa' botta lejn kull min kien qed jipprotesta għat-tneħħija tal-programm tiegħu jew tagħha mix-xandir nazzjonali, bl-aktar voċiferu jkun Mallia. "L-ebda programm ma jingħata b'ċens perpetwu," saħaq Micallef fil-kummenti tiegħu. 

Huwa sostna illi mill-esperjenza tiegħu r-realtà televiżiva hija dik illi filli jkollok produzzjoni u filli dik l-istess produzzjoni titwaqqaf. "Tipproduċi, titwaqqaf, ideat li ma jiġux accettati, terġa toħloq u terġa tipprova. Hija industrija iebsa...xejn ġdid." Kliem Micallef ġab  reazzjoni mħallta minn diversi nies, fosthom ukoll eks impjegat tal-PBS. Micallef ifakkar illi hemm ħafna fatturi li jiddeterminaw jekk programm għandux jitħalla jsir jew le, fosthom ukoll kemm ikun 'ekonomikament vijabbli'. "Il-punt kardinali jibqa li m'għandekx tippretendi li la qiegħed hemm, ha tibqa għal dejjem."

Salvu Mallia ħa t-tneħħija tal-programm tiegħu minn fuq ix-xandir nazzjonali ħażin ħafna u attribwixxa, anke f'kummenti li ta' lill-illum.com.mt, it-tneħħija tiegħu għal nies f'Kastilja li ħaduha kontrih wara li kien tkellem kontra l-Gvern preżenti. Fil-fatt, kien fuq il-gazzetta ILLUM illi Mallia, għall-ewwel darba, fetaħ il-kanuni fuq il-Gvern u  ħabbar illi beħsiebu jikkandida lilu nnifsu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. L-istess gazzetta kienet żvelat kief kienu saru diskussjonijiet bejn Mallia u Marlene Farrugia, biex dan jingħaqad mal-Partit Demokratiku, xi ħaġa li s'issa għadha ma ġratx.  

Aqra dak li kien qal Salvu Mallia mal-ILLUM hawnhekk

 

More in Politika