Jonqsu l-kawżi kriminali pendenti b'540

Imniedi Quality Service Charter għal min juża l-Qrati f’kuntest ta’ riforma li qed taħdem

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici llum nieda Charter għaċ-ċittadini li jużaw is-servizzi tal-Qorti kif ukoll ġabra ta’ drittijiet li joħorgu mil-liġijiet tagħna. Din kienet wegħda oħra mill-manifest elettorali u parti mill-proġett ta’ dan il-Gvern għal riforma fil-qasam tal-Ġustizzja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici saħaq li l-għan ewlieni ta’ dan iċ-Charter – li ġie deskritt mill-Ministru stess bħala l-ewwel pass - hu li joffri bilanċ bejn id-drittijiet taċ-ċittadini u l-obbligi ta’ min qed joffri s-servizz tal-użu tal-Qorti. Dan isostni livell tajjeb ta’ fiduċja fis-sistema ġudizjarja tagħna.

Fost l-informazzjoni li wieħed isib f’dan iċ-Charter hemm informazzjoni dwar il-proċess ġudizjarju fil-qrati u fejn wieħed jista’ jagħmel l-ilment tiegħu f’każ li l-istandards ma jintlaħqux. Iċ-Charter jinkludi wkoll lista ta’ drittijiet li għandu l-akkużat meta jkun taħt arrest. Dan fid-dawl li fl-2014, dan il-Gvern kompla jsaħħaħ id-drittijiet tal-akkużat u tas-suspettat fl-isforzi favur iktar trasparenza u kontabbiltà mill-awtoritajiet.

Wieħed jista’ isib dan iċ-Charter online fuqwww.justiceservices.gov.mt u www.mjcl.gov.mt, kif ukoll  jista’ jiġbor kopja mill-bini tal-Qorti.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici tkellem ukoll fuq it-titjib fl-effiċjenza tal-Qrati ta’ Malta. Qal li dan iċ-Charter qed jitnieda f’kuntest fejn qed issir ħidma bla preċedent sabiex jonqsu l-kawżi pendenti u tiżdied l-effiċjenza.

Huwa sostna li qed jinkisbu riżultati ċari u ppubblika l-performance tal-ewwel sitt xhur tas-sena kurrenti.

Fil-fatt, fil-Qorti Ċivili, naraw l-inqas rata ta’ każijiet pendenti f’dawn l-aħħar 16-il sena. Minn Jannar sa Ġunju tal-2016 kien hawn 9,560 każ pendenti li juri tnaqqis sostanzjali meta mqabbel mal-11,208 każpendenti li kien hemm fl-ewwel sitt xhur tal-2012 u aktar minn 18,000 każ pendenti fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2000.

Ir-rata ta’ ħeffa tal-kawżi fil-Qorti Ċivili naqset ukoll minn 651ġurnata fl-ewwel nofs tal-2012 għal 611-il ġurnata fl-ewwel nofs tal-2016.

Fil-Qrati Kriminali, f’dawn l-aħħar tliet snin, ir-rata ta’ każijiet li jidħlu u jinqatgħu telgħet minn 95% għal 106%. Dan ifisser li qed jinqatgħu aktar każijiet milli qed jidħlu.

Ir-rata ta’ ħeffa tal-kawżi f’dawn l-aħħar tliet snin, turi ukoll progress f’numru ta’ Qrati Kriminali. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar tliet snin kien hemm żieda fil-ħeffa minn 289 ġurnata fl-ewwel nofs tal-2014 għall-267 ġurnata fl-ewwel nofs tal-2016.

Fl-istess nifs kien hemm tnaqqis fl-ammont ta’ kawżi pendenti fil-kamp kriminali bin-numru ta’ każijiet pendenti jonqos b’540 għall-14,301 każ fl-ewwel nofs tal-2016 meta mqabbel ma’ tliet snin ilu.

Bonnici qal li dawn ir-riżultati ma jfissrux li r-riforma waslet fi tmiemha imma jfisser li se tkompli tiżdied l-enerġija biex jinkisbu dejjem iktar tragwardji għal servizz aħjar.

More in Politika