'Simon Busuttil irid li pajjiżna ma jkunx rappreżentat f’laqgħat importanti Ewropej u Internazzjonali'

Dan ħareġ fi stqarrija li għamel il-PL wara kummenti ta' Busuttil dwar multi għall-MPs li jfallu l-Parlament

Simon Busuttil jemmen li l-Gvern qed jipproponi liġi diskriminanti dwar multi għall-MPs li jfallu xi seduta
Simon Busuttil jemmen li l-Gvern qed jipproponi liġi diskriminanti dwar multi għall-MPs li jfallu xi seduta

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburtista, intqal li Busuttil qiegħed jissuġġerixxi li pajjiżna ma jkunx rappreżentat f’laqgħat importanti Ewropej u Internazzjonali, biex b'hekk il-Ministri ma jfallux seduti tal-Parlament. 

Dan ħareġ fid-dawl tal-mozzjoni li ġiet diskussa fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda, fejn intqal li membri Parlamentari li jfallu għas-seduti mingħajr raġuni valida, jiġu mmultati €50. Iżda Busuttil oġġezjona għall-fatt li Ministri li jkunu msiefrin fuq xogħol Parlementari, jew biex jirrappreżentaw il-Gvern, ikunu eżentati minn din il-multa. Huwa saħaq li l-gvern kien "qiegħed jipproponi liġi għall-ministri, u oħra differenti għall-bqija tagħna l-annimali."

Fl-isqarrija tal-PL, intqal li "huwa inkredibbli kif il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li meta jkun hemm Parlament li qed jiltaqa’, Ministri u membri parlamentari m'għandhomx isiefru biex jirrapreżentaw lil pajjiżna fuq xogħol uffiċjali. Li kieku dak li qed jgħid Simon Busuttil iseħħ, pajjiżna aktarx jispiċċa mhux rappreżentat f'uħud mill-aktar laqgħat importanti tal-Unjoni Ewropea."

Il-PL iddeskriva lil Busuttil bħala l-istess Kap tal-Oppożizzjoni li ħatar bħala shadow Ministers żewġ membri Parlamentari Ewropej li qatt ma jkunu l-Parlament.

"Jidher li l-perjodu sfortunat tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni qed iwassal lil Simon Busuttil biex saħansitra jinsa l-affarijiet l-aktar bażiċi li kien jaf meta kien membru tal-Parlament Ewropew, fosthom l-importanza li pajjiż ikun rappreżentat fl-ogħla livell f' laqgħat bħal dawn.

Jidher li tant kemm Simon Busuttil sar parti mill-elite, li lanqas qed jirrealizza l-aktar affarijiet bażiċi."

B'risposta għall-kummenti ta' Busuttil fil-Parlament, il-Ministru Carmelo Abela irrispondih li "L-eżenzjoni se tapplika għal kull Membru Parlamentari", fejn Busuttil saqsa lura jekk hux "inkluż meta tkun imsiefer."

Abela saħaq, "Għall meta tkun imsiefer għal doveri tal-Gvern, mhux fuq vaganza". Ir-risposta ta' Busuttil dwar dan kienet li "xogħol il-ministri għandu jkun fil-kamra, u mhux barra mill-pajjiż."

Busuttil argumenta li "l-MP kollha għandhom impjieg ieħor, kemm jekk huma ministri, kif ukoll jekk ikopru xi kariga oħra, allura l-fatt li l-Ministri biss ikunu eżenti waqt safra relatata max-xogħol, huwa diskriminanti." 

More in Politika