Il-Birgu jilqa' ftit inqas minn 160 superyacht fis-sena 2015 biss

“Bla dubju, il-pożizzjoni ta’ Grand Harbour Marina bis-swar tal-Forti Sant’Anġlu u tal-Belt Valletta bħala sfond naturali, jagħmlu din il-marina, waħda mill-iżjed spettakolari fir-reġjun"

Il-Grand Harbour Marina fil-Birgu
Il-Grand Harbour Marina fil-Birgu

Il-Grand Harbour Marina ġewwa l-Birgu tibqa waħda mill-iżjed marinas popolari ġewwa l-Mediterran speċjalment għal superyachts minħabba l-fatt li l-marina toffri l-akbar spazju għall-irmiġġ għal superyachts. Fil-fatt, fl-2015 biss, Grand Harbour Marina laqgħet 159 superyacht, li jfisser ftit iżjed mil-154 superyacht li żaru l-GHM fl-2014.

“Bla dubju, il-pożizzjoni ta’ Grand Harbour Marina bis-swar tal-Forti Sant’Anġlu u tal-Belt Valletta bħala sfond naturali, jagħmlu din il-marina, waħda mill-iżjed spettakolari fir-reġjun. Dan ikompli jkun imsaħħaħ mil-fatt li s-servizzi li toffri l-marina tagħna huma fost l-aħjar li hawn u minħabba l-fatt li ninsabu qrib is-servizzi kollha li s-sidien ta’ dawn is-superyachts ikollhom bżonn. Il-fatt li ninsabu ġewwa l-Birgu, lokalità ferm imfittxija kemm minn residenti kif ukoll minn dawk li fittxu d-divertiment kulturali, hija xi ħaġa oħra pożittiva għal GHM,” qal Lawrence Zammit, Chairman ta’ Grand Harbour Marina.

Dan joħroġ biċ-ċar minn intervista li ta dan l-aħħar Jay Deakin, Uffiċjal ta’ M/Y Fusion, superyacht li beda jżur ‘l Malta dan l-aħħar.

F’intervista li dehret dan l-aħħar fuq is-sit www.crewport.com pubblikata minn The Superyacht Group dwar il-portijiet u l-marinas l-iżjed imfittxija, Jay Deakin semma l-Grand Harbour Marina fil-Birgu bħala l-marina favorita tiegħu.

“L-ewwel darba li żort din il-marina kienet ftit snin ilu abbord yacht ieħor u l-ewwel impressjoni tiegħi ta’ GHM u tal-Belt Valletta kienu pożittivi ħafna. Bqajt impressjonat bil-Forti Sant’Anġlu u bil-Belt Valletta li jilqgħu lil kull min jidħol fil-port, kif ukoll bl-istorja rikka u l-kultura kbira li hawn. Hekk kif wasalna, l-istaff kollu tal-marina laqgħuna tajjeb ħafna u n-nies tal-lokalità urew ħafna ħbiberija,” spjega Jay Deakin fl-intervista tiegħu.

“Id-deċiżjoni tagħna li nġibu lil FUSION ġewwa Grand Harbour Marina iżda kienet deċiżjoni bbażata wkoll fuq prezz u fuq il-kwalità tax-xogħol li esperjenzajna hawn f’Malta. Ovvjament, l-ilqugħ li joffri dan il-port naturali mill-elementi, kien fattur ieħor importanti fid-deċiżjoni tagħna.”

 

 

 

 

 

“Minn aspett kompetittiv, Grand Harbour Marina tinsab fuq quddiem ukoll. Fil-fatt konna qed inħarsu lejn diversi marinas oħra f’dan ir-reġjun iżjda r-rati offruti minn GHM kienu fost l-iżjed kompetittivi. Kollox ma’ kollox, l-esperjenza kollha li toffri din il-marina hija mill-aqwa u żgur li se nibqgħu niġu Malta,” żied qal Jay Deakin

More in Politika