Il-laburisti u s-sinjuri jridu jibqgħu ... il-konservattivi u l-fqar iridu jitilqu

Eżerċizzju tal-opinjoni pubblika minn The Economist  juri poplu maqsum dwar il-futur tiegħu

Attivista favur il-Brexit tqabbad in-nar bandiera tal-UE
Attivista favur il-Brexit tqabbad in-nar bandiera tal-UE

Eżerċizzju li sar minn The Economist  u li jitratta r-referendum li se jsir fir-Renju Unit nhar it-23 ta' Ġunju dwar jekk dan il-pajjiż għandux jitlaq jew jibqa' membru tal-UE juri kif il-laburisti u s-snjuri jridu jibqgħu, filwaqt li l-konservattivi u l-fqar iridu jitilqu mill-UE. F'poll tracker li jieħu in kunsiderazzjoni l-istħarriġ kollu prinċipali li qed isiru fir-Renju Unit jirriżulta li 62% tal-Laburisti jridu jibqgħu fl-UE. Ma' dawn jingħaqdu 48% ta' dawk li huma meqjusin bħala affluwenti. Il-Laburisti Ingliżi huma l-aktar votanti kontra l-Brexit, b'22%  biss li jridu jitilqu. 

Il-Partit Konservattiv, li bħalissa jinsab fil-Gvern, għandu l-maġġoranza tal-attivisti tiegħu li huma kontra. Fil-fatt, maġġoranza assoluta ta' 51% iridu jitilqu mill-UE, filwaqt li huma 32% li jridu jibqgħu. Il-Partit Konservattiv dejjem kellu elementi b'saħħithom kontra sħubija fl-UE, b' l-eks Sindku ta' Londra Boris Johnson jikkampanja favur li r-Renju Unit joħroġ mill-UE.

Mingħajr sorpriżi, kważi l-attivisti kollha, jew 91%, ta' dawk li jivvutaw lill-Partit United Kingdom Independence Party (UKIP) huma favur il-Brexit, jew il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Dan il-partit għandu ideoloġija leminija u huwa mibni fuq politika li tħeġġeġ il-ħruġ tar-Renju Unit mill-blokk Ewropew. Minn naħa l-oħra maġġoranza qawwija ħafna ta' dawk li jivvutaw lill-Liberali Demokatiċi, jew 64%, iridu li r-Renju Unit jibqa' membru tal-UE.

Maġġoranza relattiva ta' 46% ta' persuni kkunsdrati fqar ma jridux li pajjiżhom jibqa' fl-UE, imma 30% jridu li pajjiżhom jibqa' membru sħiħ. 

Anke fuq bażi ġeografika hemm differenza għalkemm hija waħda żgħira. Skont The Economist 40% tan-nies li jgħixu fit-tramuntana jridu li r-Renju Unit titlaq mill-UE, filwaqt li l-istess persentaġġ ta' nies li jgħixu fin-nofsinhar irididu li pajjiżhom jibqa' membru tal-UE. 

L-Iskoċċiżi huma fil-maġġoranza tagħhom favur li jibqgħu fl-UE, b'56%. Huma biss 24% li jridu lill-pajjiż jitlaq mill-blokk Ewropew. 

More in Politika