'Busuttil gideb meta qal li DeMarco ppubblika l-irċevuti'

Il-PL jgħid li Simon Busuttil jinsab f'paniku u spiċċa jigdeb biex jgħatti xtur DeMarco

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Edward Zammit Lewis u mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ntqal kif Simon Busuttil, mhux biss kien viżibilment skomdu u evażiv meta mistoqsi dwar il-Viċi Kap tiegħu, iżda jinsab f’paniku u spiċċa gideb biex jgħatti xtur DeMarco.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-proċessi Amministrattivi semmiet kif meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-każ DeMarco, Busuttil mhux biss kien skomdu, iżda l-ewwel ħarab milli jwieġeb, u għall-mistoqsija oħra spiċċa gideb meta qal li kien hemm il-pubblikazzjoni tal-irċevuti minn Mario DeMarco meta dan mhux vera saħqet Deborah Schembri.

Schembri ssoktat tgħid li wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kien hemm il-pubblikazzjoni ta’ dawn l-irċevuti, anke jekk mhux vera, huwa kien mistoqsi mill-ġurnalisti biex jgħid fejn kienu ppubblikati u jekk fil-verità kinux ippubblikati, iżda anke hawn, Simon Busuttil ħarab, qalet is-Segretarju Parlamentari.

Min-naħa tiegħu l-Ministru tat-Turiżmu qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni li dejjem wera ruħu bħala palladin tal-istandards, issa għandu każ ieħor fejn irid jiddeċiedi. Simon Busuttil must walk the talk, tenna Zammit Lewis filwaqt li semma kif fil-ktieb li ppubblika l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa kien qal li m’għandhomx ikunu aċċetati rigali ta’ aktar minn €150. Bil-mod li jimxi bih Simon Busuttil hemm ipokrezija politika qal Edward Zammit Lewis filwaqt li stqarr li l-poplu ma jixraqlux hekk.

"Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jieħux deċiżjonijiet u huwa Kap li jkun judge & jury ta’ kulħadd barra tan-nies tiegħu," temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

More in Politika