It-trasformazzjoni ta’ Simon: Minn ġwejjed għal militanti

L-ILLUM tanalizza l-bidliet fl-immaġini ta’ Simon Busuttil u l-istrateġija li qed iħaddem il-PN. Kif inbidel Busuttil f'dawn l-aħħar tliet snin? Se tirnexxi l-istrateġija tal-PN li jerġa jqajjem il-fervur tat-80jiet? 

Wara li l-ġimgħa l-oħra u għal dawn il-ġimgħat ħarisna lejn il-kwistjoni tal-‘Panama’, kif din affetwat lill-Gvern Laburista u l-għażliet li għandu jew kellu l-Prim Ministru quddiemu, illum se nħarsu lejn l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista. Kif inbidel Simon Busuttil f’dawn l-aħħar tliet snin? Kif tela’ mill-qiegħ elettorali li hu u l-PN kien fih? Kemm hija għaqlija l-istrateġija li qed imexxi bħalissa? Xi preġji u riskji fiha? 

Simon: Minn ħaruf għal iljun feroċi

Definittivament, il-personaġġ u l-immaġini politika ta’ Simon Busuttil ittrasformat b’mod komplet. Simon Busuttil tal-lum, lanqas jista’ jitqabbel, u prattikament lanqas jintagħraf minn Simon Busuttil tal-2013 u qabel. 

Minn politiku b’immaġini ġentili u politikament moderat, illum qed naraw Busuttil li qed jappella l-aktar, jekk mhux esklussivament għal dawk in-Nazzjonalisti akkaniti li għalihom, kull ħaġa Laburista hija ħażina u kull ħaġa Nazzjonalista hija tajba. 

Jidher li Simon Busuttil qed jirrispondi bil-qawwa għall-akkużi li sarulu, fost setturi influwenti ħafna fil-PN meta sar kap tal-istess Partit. L-akkuża kienet li Simon Busuttil ma kien qed jidher imkien, jitkellem ftit u kien qed jidher wisq dgħajjef quddiem il-figura b’saħħitha ta’ Joseph Muscat. 

Illum din is-sitwazzjoni nbidlet kompletament. Filwaqt li l-Prim Ministru, f’nofs tempesta politika li benġlet lill-Partit Laburista u anke lilu, qed jidher kawt ħafna, qed jappella għall-kalma u xi minn daqqiet jidher xi ftit għajjien ukoll, Busuttil qed jidher assertiv u agressiv. Id-diskorsi tiegħu nhar il-Ħadd li għadda, kemm filgħodu fil-każin tal-PN f’Birkirkara kif ukoll waqt il-protesta l-Belt, kienu kkaraterizzati minn għajjat li f’xi mumenti kienu qed jilħqu tonalitajiet isteriċi. Fiż-żewġ diskorsi ma kien hemm l-ebda element ta’ moderazzjoni, imma biss ta’ diskorsi  pjuttost agressivi, indirizzati biex iqajjmu u jsaħħu s-sentiment anti-Laburista u anti-Muscat fost il-grassroot tal-Partit Nazzjonalista. 

It-tliet raġunijiet għal bidla f’Simon Busuttil

(1) Dan huwa l-vera Simon Busuttil

Din il-bidla totali fl-immaġini ta’ Busuttil tista’ tindika tliet affarijiet. L-ewwel huwa li Simon Busuttil issa ħa r-riedni tal-PN f’idejh wara l-ewwel xhur li fihom kien qed jikklimatizza lilu nnifsu bħala Kap ġdid tal-PN. Jista’ jkun li fl-ewwel ftit żmien kien qed jiżen il-pożizzjoni tal-partit li qed imexxi, bil-fazzjonijiet u differenzi li kull partit għandu, biex imbagħad, meta ħass li kellu idea sew tas-sitwazzjoni, ‘impona’ l-awtorità tiegħu bħala kap.

(2) Its my way or no way

It-tieni possibbiltà hija li wara r-riżultat devastanti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Busuttil ħass li l-awtorità tiegħu u t-tmexxija tiegħu kienet taħt theddida serja. Fil-fatt, it-telfa fl-2014, fejn il-PN kien akkwista biss 40% tal-vot u sofra distakk mill-PL ta’ madwar 33,000 vot, kienet daqqa ta’ ħarta oħra għall-attivisti Nazzjonalisti. Id-diżappunt fiċ-ċentru tal-għadd tal-voti wara r-riżultat ta’ din l-elezzjoni partikolari kien palpabbli u ċertament dan id-diżappunt qawwi wasal sal-Pietà u heżżeż is-siġġu ta’ Busuttil. 

Huwa probabbli li din it-telfa wasslet biex Busuttil jiġġieled bil-qawwa kollha, mhux biss biex jaċċerta li l-PN ma jerġax isofri t-tielet telfa umiljanti, imma wkoll biex isalva l-futur politiku tiegħu bħala Kap tal-PN. Il-fatt li sena wara, fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-PN minkejja telfa, akkwista riżultat ħafna iktar rispettabbli, huwa xhieda tal-fatt li Busuttil ma kienx se jħalli d-destin tiegħu f’idejn ir-riħ. 

Donnu wara din id-doxxa kiesħa, Busuttil ried jgħid li, ‘it’s my way or no way.’

(3) Għax dgħajjef u mmexxi

Hemm teorija oħra li tista’ tispjega għalfejn din il-bidla f’Simon Busuttil. Jista’ jkun li Busuttil qed iħoss pressjoni qawwija mingħand nies li mhux talli huma influwenti, talli mingħajrhom Busuttil ma jkun assolutament xejn fil-partit. 

Jista’ jkun li Busuttil qed jitmexxa minn nies li l-‘forma mentis’ politika tagħhom hija li akkost ta’ kollox, il-PN jeħtieġ ikun fil-Gvern ilbieraħ qabel illum. Forzi qawwija fil-PN li għalihom l-ewwel u l-aħħar għan, kważi l-eżistenza politika kurrenti tagħhom, tiddependi fuq l-irrokar u t-tkissir tal-bastiment Laburista u li Muscat jaqla’ umiljazzjoni ddoqq l-iskotti. Dawn il-forzi fil-PN huma ddominati minn diversi interessi, l-aktar dawk personali u finanzjarji. Forzi li jridu vendetta tal-umiljazzjoni li qala’ l-PN fl-aħħar elezzjoni u li qed jużaw kull spaga, kull pupazz  u kull suldat leali li għandhom, stabbiliti f’kull qasam tal-pajjiż. Min-nies fil-midja, sad-Dipartimenti, sa membri fil-kleru, sa negozjanti, sa persuni li għandhom kull interess li jerġa’ jitla’ l-PN fil-Gvern biex jerġgħu jibdew jieklu (jiffangaw).

Jista’ jkun li dawn il-forzi bnew l-idea li l-istrateġija li qed tmexxi l-Oppożizzjoni bħalissa hija l-passaport għat-taraġ ta’ Kastilja. Jista’ jkun ukoll li Busuttil ġie kkundizzjonat jemmen li l-militanza, simili għal dik tas-snin 80, hija l-unika strateġija li tista’ twasslu sal-barkun. 

Lura għat-80ijiet ... kemm se tirnexxi?

Mhux xi sigriet li parti integrali mill-istrateġija Nazzjonalista fil-preżent hija li ssir rikostruzzjoni tal-immaġini tal-PN għal dak li kien fis-snin 80 u li jerġa’ jinħoloq l-istess fervur u sens ta’ urġenza għal bidla li eżistiet matul dawk is-snin biex jitneħħa Gvern Laburista. 

Ir-riskji ta’ din it-tip ta’ strateġija diġà bdew jidhru. L-ewwel u qabel kollox rikostruzzjoni politika tal-passat ma tista’ qatt isseħħ, għax is-snin 80 kienu s-snin 80, u l-preżent huwa l-preżent. Ir-realtajiet politiċi u soċjali huma oċean ’il bogħod, daqs kemm hija oċean ’il bogħod il-mentalità tan-nies illum, paragunat ma’ dak tas-snin 80. 

Lil hinn mir-rank and file tal-PN, jista’ jkun li ħafna mill-urġenza għall-bidla tibda tevapora. Fil-fatt, il-fehma ta’ bosta nies f’dan il-mument partikolari huwa li t-tnejn maħmuġin u ż-żewġ partiti huma l-istess. Fost settur vast ta’ nies, probabbilment, teżisti ħafna aktar l-urġenza li jitfu l-iswiċċ mill-politika u ma jisimgħu xejn iktar, milli li jinbidel il-Gvern. Mela allura l-PN diġà għandu żvantaġġ qawwi fl-attentat tiegħu tal-back to the 80s. L-urġenza għall-bidla jista’ jkun li qed teżisti biss, jew kważi, fost dawk l-eluf  li jsegwu l-midja tal-PN, li bħalissa għaddejja b’maratona kontinwa ta’ propoganda u daqq ta’ diski li jfakkru f’rebħiet kbar tal-PN, fosthom ‘We take the Chance’ li kienet intużat fil-kampanja elettorali tal-1998 u li mmarkat il-waqa’ ta’ Gvern Laburista. Hemm probabbiltà qawwija li lil hinn minn din il-bużżieqa, id-dissens li jeżisti huwa fil-klassi politika kollha u r-riluttanza hija ta’ nies li ma jridux jibqgħu jisimgħu. 

L-ambjent politiku llum huwa differenti kompletament. Illum, esebizzjonijiet kważi teatrali ta’ saħħa, li joħorġu l-aktar elementi ossesjonati fil-partit u l-inqas elementi li trid turi, mhux talli m’għadhom jimpressjonaw lil ħadd, talli iktar ibegħdu nies minn dak il-partit partikolari. Ix-xeni li rajna quddiem il-Qorti setgħu għoġbu lil dawk li jemmnu fil-militanza, iżda żgur ma niżlux tajjeb ma’ dawk li ma jaraw l-ebda raġuni għalfejn għandha tittella’ t-temperatura politika daqstant. 

Fost settur vast ta’ nies, probabbilment, teżisti ħafna aktar l-urġenza li jitfu l-iswiċċ mill-politika u ma jisimgħu xejn iktar, milli li jinbidel il-Gvern

Is-settur iktar żagħżugħ tal-votanti Maltin, min-naħa l-oħra, mhux talli mhux qed iħossu l-urġenza biex tkun ‘salvata d-demokrazija’ u li Simon Busuttil jitpoġġa fuq pedestall fuq il-bini tal-Qorti (?!?!) bħalma qalet persuna li kienet parti mill-folla Nazzjonalista, talli fuq il-midja soċjali ilhom iduru diversi filmati issa li qed jiżżufjettaw bil-folla Nazzjonalista ta’ quddiem il-Qorti. 

Dan mhux sew, ħa nkunu ċari. Imma llum, l-ebda partit m’għandu jistenna aħjar meta jorganizza parata u jesebixxi l-għamad assolut, daqs li kieku huwa rapreżentattiv tal-poplu. 

Simon mhux Eddie u Joseph mhux Karmenu

Żvantaġġ ieħor kbir f’dan l-attentat biex il-PN jerġa’ jibni xi forma ta’ battalja tal-80s huwa li għandek tliet personaġġi kompletament neqsin mix-xena. Dak li ġara f’dawk is-snin kien il-frott ta’ deċiżjonijiet, attitudnijiet jew inerzja minn Eddie Fenech Adami fuq naħa u Karmenu Mifsud Bonnici, immexxi minn Mintoff, fuq in-naħa l-oħra. 

Il-karriera stellari ta’ Fenech Adami fjorixxiet matul snin li fihom il-ġlied, il-frame ups u l-vjolenza kienu kważi n-norma. Fenech Adami kien qed jiffaċċja Partit Laburista li kellu l-agħar elementi vjolenti li qatt kellu u miegħu stess kellu elementi li kienu lesti jwieġbu għal dik il-vjolenza, bi vjolenza. Fenech Adami kien qed jiġġieled Gvern għajjien, Gvern mingħajr maġġoranza popolari, mexxej mingħajr ispirazzjoni u inġustizzji koroh, fi klima politika gravi fejn il-biża’ kienet tirrenja. 

Dan kollu llum ma jeżistix (għal grazzja t’Alla). Mhux talli m’hawnx u ħadd ma jrid li jkun hawn vjolenza, talli fuq in-naħa l-oħra tal-PN hemm mexxej li minkejja li għaddej minn burraxka kerha, xorta jibqa’ dinamiku, enerġetiku u politikament stuż ħafna.

‘Demokrazija mhedda?’

Qed ngħixu fi żmien fejn qed ifaqqsu l-partiti ġodda, għandna lil Marlene Farrugia li mhux biss trid twaqqaf partit ġdid, imma li qed tkun skalda ta’ vera f’subgħajn il-Prim Ministru, bi kritika qawwija, u ħafna drabi ġusta wkoll. Blogs? Għal wieħed għandna 10. Facebook? Kulħadd jitfa’ l-kummenti u jikkritika u jfaħħar kif iħoss li huwa l-aktar ġust. Għandna midja li qed taqdi dmira u tagħmel xogħolha bl-aktar mod assidwu u professjonali u kif għamlet din il-gazzetta wkoll, fetħet il-bibien tal-kritika beraħ fil-każ tal-Panama. Għandek programmi għaddejjin il-ħin kollu fuq kull stazzjon fejn kull min irid iċempel u jitkellem, jagħmel dan. Għandek lil Emmy Bezzina, li anke jekk kellu xi pressjoni diretta lejh, qed itella’ programm vivaċi u kkulurit fejn ineżża’ lill-establishment tal-pajjiż minn kull presitġju soċjali. Għandek Laburisti li qed jiġu fuqna u jitkellmu b’mod ċar dwar il-partit, u fejn dan mhux qed jogħġobhom. Għandek soċjetà ċivili li se torganizza protesta f’Mejju wara dik tal-PN il-Ħadd li għadda. 

Parti integrali mis-snin 80 kienu Eddie Fenech Adami u Karmenu Mifsud Bonnici
Parti integrali mis-snin 80 kienu Eddie Fenech Adami u Karmenu Mifsud Bonnici

Għalhekk, l-għajta tal-PN dwar demokrazija mhedda hija kważi surreali. Lil hinn mill-istamperija, din it-theddida mhux qed tinħass, anzi jekk ir-reazzjoni tal-poplu u tal-pajjiż għall-każ Panama jista’ jintuża bħala termometru tad-demokrazija, nistgħu ngħidu li qed ngħixu f’demokrazija b’saħħitha tant li l-ebda Gvern, bl-ebda maġġoranza ma jista’ jserraħ rasu. 

Fenech Adami kien qed jiġġieled Gvern għajjien, Gvern mingħajr maġġoranza popolari, mexxej mingħajr ispirazzjoni u inġustizzji koroh, fi klima politika gravi fejn il-biża’ kienet tirrenja

Il-PN solidu wara Simon

Għalkemm kwalunkwe attentat biex ikunu rikostitwiti s-snin tmenin huwa destinat li jfalli, jew li jdur kontra l-istess PN, dan ma jfissirx li l-istrateġija li qed juża l-PN ma fihiex preġji.

Il-preġju tagħha hija li reġgħet issolidifikat il-bażi tal-Partit Nazzjonalista u injettat entużjażmu li l-PN kien ilu ma jesperjenza għal snin twal. Illum, il-PN jinsab back in the game u l-idea li riesaq lejn telfa ċerta u li Busuttil huwa biss għasfur tal-passa, evaporat. 

L-assertività, il-biża mill-babaw tal-passat, il-propoganda ma’ taqta’ xejn u l-militanza flimkien mal-ikkapitalizzar tal-iżbalji tal-Gvern qed jgħinu biex il-PN jitfarfar mit-trab tat-telfa ħafna iktar kmieni milli ħafna setgħu stennew. Il-PN qed iwieġeb b’mod assolut għal dawk l-eluf ta’ votanti li dejjem kienu tiegħu biex ikun Oppożizzjoni qalila, li tagħmel ħajjet il-Gvern infern. Dawk l-eluf, illum kuntenti ħafna b’Simon Busuttil.

Muscat...barra 

Iżda l-entużjażmu ta’ dawk lil hinn mill-Partit Nazzjonalista jibda jonqos sew meta Busuttil, f’tentattiv biex juża l-armi kollha possibbli f’battalja politika ħarxa, beda jsejjaħ għal Muscat biex jitlaq. 

Busuttil kellu ċ-ċans li jitfa’ lil George Vella, Evarist Bartolo, Leo Brincat u Louis Grech f’kantuniera billi jpoġġilhom it-test ta’ fiduċja Parlamentari f’Konrad Mizzi. Minflok għaġġel, talab għal ras Joseph Muscat, u minflok iddistabilizza l-Gvern kif forsi xtaq, stabbilizzah wara Muscat. 

Simon Busuttil jeħtieġ joqgħod attent li ma jinterpretax ir-riħ fil-qala ta’ bħalissa sforz il-każ Panama, bħala ċ-ċertifikat fuq platt tal-fidda f’idejh biex ikun Prim Ministru. L-għajta tiegħu biex Muscat jirreżenja u minfloku jkun elett mexxej ġdid, kixfet l-għan tal-PN xi ftit iktar milli seta’ xtaq.

Busuttil jaf li minkejja l-urugan politiku li qed isawwat lil Muscat bħalissa, jekk dan iqum minnha, se jkun diffiċli li jerġa’ jniżżlu. U Busuttil jaf ukoll li Muscat se jkun avversarju mill-aktar diffiċli. Hija naturali li Busuttil irid jelimina lil Muscat biex il-premju f’Kastilja jkun eqreb, imma jista’ jkun li qed jinsa li finalment mhux kemm se jaqla daqqiet ta’ ponn Muscat li jiswa, iżda min se jaqla’ l-aħħar u l-ikbar daqqa.  

Busuttil kellu ċ-ċans li jitfa’ lil George Vella, Evarist Bartolo, Leo Brincat u Louis Grech f’kantuniera billi jpoġġilhom it-test ta’ fiduċja Parlamentari f’Konrad Mizzi. Minflok għaġġel, talab għal ras Joseph Muscat

Huwa ovvju u naturali li kull Oppożizzjoni trid terġa’ tkun fil-Gvern u li se tagħmel minn kollox biex terġa’ tirbaħ Kastilja, imma l-PN donnu li qed jinsa l-arti tas-sottilità politika, u minflok, prattikament ħareġ jgħajjatha mill-bjut li mhux se joqgħod kwiet qabel Muscat ikun xkupat ’il barra. 

Il-PN qed jagħmel l-iżball li jaħseb li l-pajjiż kollu huwa każin tal-PN fejn kulħadd lest u ħerqan u għandu l-urġenza daqsu, jew iktar, biex ineħħi lil Muscat u jitfa’ lilu fit-tmun. 

Election mode

Il-pajjiż qiegħed election mode qed jgħidu. Din l-istqarrija hija parzjalment veru, imma hija definittivament veru għall-PN. Il-partit fl-Oppożizzjoni bħalissa għaddej b’dik li qisha kampanja elettorali, biss fuq skala iżgħar. Definittivament l-enerġija li għandu l-PN bħalissa hija waħda li tista’ titqabbel biss ma’ partit li qiegħed fuq l-għatba ta’ elezzjoni, b’midja li hija ffukata fuq il-propoganda b’mod kontinwu u attivisti li jinsabu lesti biex malli jisimgħu t-tisfira, joħorġu jiġru. 

Il-problema hija li t-tisfira għad fadlilha sentejn, skont Muscat. Jista’ jkun li l-fervur tqabbad wisq kmieni u bħalma kienu jħobbu jagħmlu n-Nazzjonalisti qabel, Joseph Muscat joqgħod jilgħaba tal-underdog u li qiegħed minn taħt, biex imbagħad meta jiġri ġirja tajba, isib partit li fajjar it-tiri elettorali kmieni u li jkun ilu jistenna sentejn biex jitlaq jiġri.

Il-kampanja elettorali tal-2016, rebaħha u qed jirbaħa l-PN. Imma l-kampanja li se tiswa u li se tiddetermina l-eżistenza ta’ Busuttil hija dik tal-2018.  

More in Politika