70% tal-qarrejja tal-illum.com.mt jaħsbu li l-PL se jkun aħjar mingħajr Marlene

Kritika għal pożizzjoni li ħadet Farrugia fil-konfront tal-Gvern, anke jekk numru ta' qarrejja jħossu li l-PL tilef il-vuċi ambjentali tiegħu

70% ta’ dawk li vvutaw  fl-istħarriġ tal-illum.com.mt dwar id-Deputata Marlene Farrugia (li għalaq iktar kmieni illum) ma jaħsbuhiex bħal Carmel Cacopardo (li mal-ILLUM stqarr illi l-PL se jiddispajċih li tilef lil Marlene) u jidhrilhom illi l-Partit Laburista illum huwa aħjar milli kien, meta kellu lill-istess Farrugia bħala Deputata tal-Gvern. 

Minn dawk li kienu vvutaw fl-ewwel tlett ijiem minn meta l-illum.com.mt tella’ l-istħarriġ onlajn, 700 persuna wieġbu ‘Iva, għax ma baqgħetx taqbel mal-Gvern fuq wisq affarijiet’, meta mistoqsijin jekk jaħsbux li l-PL mingħajr Farrugia hux aħjar. Min- naħa l-oħra 20%, jew 217 il-persuna qalu li b’Marlene Farrugia jew mingħajrha l-PL se jibqa’ fejn kien. 

Kienu 10.3% biss, jew 110 persuna, li qalu li n-nuqqas ta’ Farrugia mhux xi ħaġa pożittiva għall-PL ‘għax kienet il-vuċi ambjentali tal-Gvern’. 

Intant daħlu wkoll numru konsiderevoli ta’ kummenti  li fil-maġġoranza tagħhom kienu kritiċi ħafna ta’ Farrugia. Jane Catania sostniet li Farrugia, “teknikament u moralment m’għandhiex tibqa’ tirrapreżenta lil min fdalha l-vot”, Gennaro Vassallo qal li, “Farrugia kienet tibqa’ mal-Gvern kieku l-PM taha Ministeru,” filwaqt li Amabile Spiteri qal li kien ikun jaqbel għall-PL kieku warrbet għall-kollox.  Filwaqt li Marie Vella faħħret il-mod kif Joseph Muscat irreaġixxa għar-riżenja, Jackie Callus talbet biex tkun irrispettata l-opinjoni ta’ kulħadd u kulħadd ikun prudenti fil-kritika tiegħu lejn Marlene Farrugia. 

Jidher li  argument li qed jitqajjem bosta drabi minn dawk li qed jikkritikaw lil Farrugia huwa li din id-Deputata ħaditha daqshekk kontra l-Gvern minn mindu Godfrey Farrugia ma baqax Ministru u ħraxet fil-kritika meta indunat li hi stess ma tantx għandha ċans tkun qed tippilota Ministeru. Carmel Farrugia saħansitra akkuża lil Farrugia li baqgħet fil-Parlament “għax tħobb il-flus.”

Mill-lum ista tieħu sehem fl-istħarriġ il-ġdid tal-illum.com.mt dwar iċ-Chogm u jekk avveniment bħal dan hux se jkun qed jagħmel differenza lill-pajjiż u lilek. 

More in Politika