Il-gvern jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss negattiv u distruttiv, iżda wkoll maqbud f’ paniku.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Korpi Kostitwiti tar-reazzjonijiet pożittivi u l-kritika kostruttiva u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jaqbad ma’ żball amministrattiv

Il-familji u negozji llum għandhom konferma ta’ Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss negattiv u distruttiv, iżda wkoll maqbud f’ paniku.

Hekk kif inqabad waħdu b’ reazzjoni negattiva għall-budget filwaqt li l-imsieħba soċjali kollha tkellmu b’ mod pożittiv, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipprova jaqbad ma’ żball amministrattiv li sar meta ġie ppubblikat għal xi ħin online u stampat b’ mod proviżjonali working document minflok dak finali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni messu jaf li dan id-dokument huwa biss intenzjonat bħala spjega u mhux parti mid-dokumenti tal-budget impoġġija għal firma tal-President tar-Repubblika.

Il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jaqbad ma’ dan kollu juri biss kemm m’ għandux aktar x’ jgħid.

Għal darb’oħra f’dan il-budget naqqasna piżijiet iżda l-Gvern xorta qed jistma li kif ġara fil-budgets ta’ din l-amministrazzjoni, idaħħal aktar flus. Dan hu t-tielet budget li fih raħħasna l-income tax , miżura li biha se jiggwadanjaw 160,000 persuna, filwaqt li żidna l-pensjonijiet lil tnax –il elf pensjonant, prattikament l-akbar żieda f’għoxrin sena. Dan hu budget li hu kontinwazzjoni ta’ budgets preċedenti. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet  f’Kastilja jum wara d-diskors tal-budget.

Waqt il-konferenza , il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-budget qed isir f’kuntest tar-roħs fil-kontijiet, hekk kif il-familji Maltin u Għawdxin qed igawdu mit-tielet l-orħos kontijiet fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ din il-miżura qed jingħataw 80 miljun euro aktar  fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Sar ukoll roħs fil-prezzijiet tal-fuel fejn il-prezz medju tal-petrol fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea hu €1.53 għal kull litru, filwaqt li l-prezz medju tad-diesel fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea hu eżatt bħal prezz f’pajjiżna , €1.43. Dan kollu filwaqt li daħħalna stabilità fil-prezzijiet għax prezz medju ma tistax tieħdu fuq medda ta’ ġimgħa jew ġimgħatejn.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Korpi Kostitwiti tar-reazzjonijiet pożittivi u l-kritika kostruttiva, kif ukoll innota r-reazzjoni pożittiva li kien hemm fost il-familji u n-negozji u anke fuq siti soċjali. Is-suċċess ta’ dan il-budget hu dovut għal konsultazzjoni wiesgħa.

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li dan huwa budget li jolqot lil kulħadd, budget li huwa favur l-intrapriżi kif ukoll budget iffukat għal min jiflaħ inqas.

Id-Deputat Prim Ministru saħaq li din l-amministrazzjoni kellha diversi sfidi quddiemha, u mhux kulħadd fehem l-istrateġija tal-Gvern mill-bidu. Strateġija li llum il-ġurnata qed tirrendi l-frott tagħha, strateġija li l-Gvern saħħaħ il-bażi tal-ekonomija ta’ dan il-pajjiż. Fit-tieni u tielet budget, il-Gvern se jkun qiegħed iqassam il-ġid li ħoloq u dan juri kemm il-Gvern għandu ruħ soċjali.  Dan il-Gvern ħareġ lill-pajjiżna mill-excessive deficit procedure, introduċejna mijiet ta’ miżuri biex ħloqna l-impjiegi ġodda, naqqasna l-inflazzjoni, naqqasna l-qagħad u d-defiċit, dan kollumingħajr ma’ ħa miżuri ta’ awsterità.

More in Politika